Wirja
Wirja ta’ Santi Belli fil-Marsa

Is-Sotto Kumitat għall-Kultura ‘Excelsior’ fi ħdan is-Soċjetà tal-Mużika Trinità Qaddisa tal-Marsa għal darb’oħra qed jorganizza wirja unika, fejn din id-darba l-esebizzjoni tiġbor flimkien għadd sabiħ ta’ ‘Santi Belli’ uniċi.

Din hija s-sitt edizzjoni tal-esebizzjoni annwali organizzata mill-Grupp Kulturali Excelsior. Dan wara li dejjem qegħdin jiżdiedu l-ammiraturi tax-xogħlijiet tal-arti uniċi u imprezzabbli li jiġu esebiti f‘dawn il-wirjiet fis-sede tas-Soċjetà tal-Mużika Trinità Qaddisa fi Triq Lorenzo Balbi biswit il-Knisja Matriċi ddedikata lit-Trinità Qaddisa.

L-ewwel wirja organizzata minn Excelsior ittellgħet fis-sena 2006 meta kienu esebiti opri tal-arti minn bosta artisti rinomati bħal Giuseppe Calì u Francesco Zahra flimkien ma’ abbozzi tal-artist internazzjonali Mattia Preti. Dan kien biss l-ewwel pass li xpruna lil din l-Għaqda biex iżżomm din il-wirja bħala appuntament fiss fil-kalendarju kulturali nazzjonali.

Fil-fatt wara ġew wirjiet oħrajn, fosthom “Lecce Treasures: Miniatures of Heaven” ibbażata kollha fuq statwi tal-kartapesta maħdumin fil-belt ta’ Lecce; “Pretiosae Reliquaie’ fejn kienu esebiti għadd imdaqqas ta’ relikwi u relikwarji minn kollezzjonisti privati; u fl-aħħar “Bisquin Aquasantiere” li kienet wirja li ġabret fiha għadd sabiħ ta’ fonti reliġjużi antiki li ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna dilettanti tal-arti sagra. L-aktar esebizzjoni riċenti kienet dik li kienet iġġib l-isem ta’ “Ars Mariana” lmagħmula minn numru sabiħ ta’ inċiżjonijiet antiki kollha fuq tema Marjana.

“Santi Belli” huwa l-isem li ntagħżel għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-esebizzjoni. F’din il-wirja unika, is-Sotto Kumitat Excelsior qed jesebixxi kollezzjoni ta’ statwetti antiki magħmulin mit-terracotta u ndurati, uħud minnhom bid-deheb. Dawn l-esebiti ġew ġentilment mislufin minn kollezzjonisti privati minn diversi inħawi ta’ Malta.

Biex seta’ jorganizza din il-wirja, is-Sotto Kumitat Excelsior sab l-għajnuna tal-Kunsill Lokali Marsa, HSBC, Attard & Co Ltd, Maypole, Sweet Kim, Mousu Travel, Rebek Tyres u J.C Pisani Ltd flimkien ma’ benefattur anonimu.

Il-wirja se tiftaħ għall-pubbliku minn nhar il-Ħamis, 1 sal-Erbgħa, 7 ta’ Novembru. Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mill-5.00 sat-8.00p.m., ħlief għall-Ħadd, 4 ta’ Novembru, meta l-pubbliku se jkun jista’ jżur il-wirja mid-9.30a.m. sas-1.00 p.m.

Aħbarijiet Oħra
Wirja

Il-Gozo Philatelic Society irranġat wirja ġdida fil-vetrina li għandha fil-livell -1 tal-ĦAĠAR (Pjazza San Ġorġ – Victoria), magħmula minn assortiment ta’ eżempji “Vittorjani” filateliċi u numismatiċi. Ġiet ippreparata biex tfakkar…

Wirja

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Ħal Safi, fi tmiem dil-ġimgħa, Heritage Malta qed tippreżenta l-esebizzjoni ‘Core and Periphery: Mdina and Safi in the 9th and 10th centuries’ fil-bini tal-Kunsill Lokali…

Wirja

Maħsub biex iservi bħala sors ta’ ispirazzjoni fix-xena tal-arti lokali, il-mużew il-ġdid tal-arti ta’ Heritage Malta, MUŻA, qed jistieden lill-pubbliku għall-ewwel laqgħa mal-Arti Moderna u Kontemporanja permezz ta’ taħdita li…

Wirja

Bħala parti mill-introduzzjoni għat-tibdil fis-sistema’ edukattiva li se tibda f’Settembru 2019, il-Mede qed ittella’ diversi wirjiet bit-titlu ta’ L-Alternattiv mhux Inferjuri. F’ Settembru 2019 se naraw l-introduzzjoni tal-My Journey fejn…

Aktar