Attivita'
X’kienu jieklu fir-Randan fis-Seklu 18?

Heritage Malta flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se terġa’ tiftaħ il-bibien tal-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur u se toffri ikla oħra storika u tematika għal dan iż-żmien tar-Randan flimkien ma’ sessjoni ta’ tagħrif dwar x’tip ta’ ikel imur ma’ nbejjed li nafu li kellna Malta sa mis-seklu 18.

L-Arkivji tal-Vatikan jagħtu ħjiel dwar ħajjet l-Inkwiżitur Fabio Chigi, li wara li serva f’Malta kompla javvanza sakemm inħatar Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Għandna tagħrif dwar l-ikel li kien jikkonsma fil-perjodu li dam bħala Inkwiżitur f’Malta. Fl-1637 matul i giorni di magro tiegħu tar-Randan, Chigi kien jiekol sopop tal-ħaxix, ħut, frott niexef, lewż, żebbuġ, larinġ u nbid. Dawn se jkunu l-ingredjenti ewlenin f’din l-ikla tematika u storika li se  ssir proprju fl-istess Palazz fejn serva Chigi, hekk kif kollox se jiġi ppreparat skond ktieb tar-riċetti tar-Randan li jinsab ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali.

Dawn kienu żminijiet ta’ kontroll riġidu fuq dak li jittiekel. Is-sena kienet maqsuma f’jiem ta’ giorni di magro fejn laħam, bajd u prodotti tal-ħalib ma setgħux jiġu kkonsmati, u giorni di grasso li matulhom setgħu jittieklu dawn il-prodotti. Giorni di magro ma kienux biss ristretti għall-perjodu tar-Randan, iżda kienu jiġu osservati wkoll kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, is-Sibt, fl-Avvent u lejlet il-festi Kattoliċi ewlenin. Għalhekk il-laħam u l-ġobon setgħu jiġu kkonsmati biss kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis, il-Ħdud u l-festi.

Bħala gwardjani tal-fidi Kattolika, l-Inkwiżituri mhux biss kellhom id-dmir li jaraw li l-poplu josserva dawn ir-regolamenti, iżda huma riedu jkunu wkoll ta’ eżempju. Fortunatament dokumenti jiżvelaw x’ikkonsma l-Inkwiżitur Fabio Chigi fl-ikla tar-Randan tal-1637, u Heritage Malta flimkien mal-ITS ħadu spunt mid-dokumenti u ħadmu fil-kċina sabiex  joħolqu mill-ġdid din l-ikla storika.

Waqt din l-ikla l-parteċipanti se jingħataw sopop tal-ħaxix, il-platt ewlieni fuq bażi ta’ ħut bħall-bakkaljaw u aringi bil-kontorni, u deżerta li tinkludi larinġ, frott niexef, ġewż, ġellewż u kafé. L-ikla se tkun imħejjija b’reqqa skont ktieb tar-riċetti għar-Randan tal-1637.  Dr Noel Buttigieg se jagħti spjega u jesplora dan is-suġġett filwaqt li se ssir ukoll sessjoni ta’ tagħrif dwar x’ikel imur tajjeb ma’ nbid li nafu li jinsab fuq lista ta’ nbejjed ikkonsmati mill-Granmastru Francisco Ximenes.

L-ikla Cena di Magro fil-Palazz tal-Inkwiżitur hija esperjenza oħra esklussiva miftuħa għal numru limitat ta’ parteċipanti. L-attività se ssir nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu u tibda fis-7.30pm. Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 21663731 jew żuru l-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija u tal-Palazz tal-Inkwiżitur fuq Facebook.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jorganizza s-16-il edizzjoni tal-Kompetizzjoni tal-Inbid. Il-kompetizzjoni se tkun maqsuma fi 3 kategoriji: inbid aħmar, abjad u rosè. L-inbid se jkun qed jiġi ġġudikat minn ġurija esperta fuq iċ-ċarezza,…

Attivita'

Il-Katidral t’Għawdex se jospita l-kunċert Sing Joyfully Unto God imtella’ mill-Corpus Christi College Choir mill-Università ta’ Cambridge bis-sehem tal-Kor Gaulitanus. Il-kunċert, li dħul għalih huwa b’xejn, se jsir nhar it-Tlieta,…

Attivita'

Biex tfakkar is-solstizju tas-sajf, Heritage Malta għal darb’oħra se torganizza żjajjar bi gwida fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra nhar il-Ħamis 21 u l-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju fi tlugħ ix-xemx,…

Attivita'

Għada se ssir attività mill-korpi dixxiplinati biex jinħoloq aktar għarfien fuq in-numru tal-emerġenza 112. L-attivita’ se ssir għada mit-08:00-13:00hrs quddiem il-Parlament bis-sehem tal-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati…

Aktar