Kultura
X’se jiġri fl-Imnarja ta’ dis-sena fil-Buskett?

Għal sena oħra s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qed ihejji ruhu għall-akbar avveniment agrikolu tas-sena fil-Ġonna tal-Buskett sabiex titkompla t-tradizzjoni annwali fejn il-bdiewa, ir-raħħala kif ukoll il-pubbliku inġenerali jipparteċipaw bil-kbir f’dan l-avveniment. Huma bosta raħħala, bdiewa u dilettanti tal-agrikoltura li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa l-akbar wirja u l-aktar kompetizzjoni akkanita tal-prodotti agrikoli. Fl-Imnarja, il-viżitaturi jistgħu japprezzaw il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala li jaħdmu qatigħ matul is-sena kollha biex ikabbru prodotti għall-ikel u jindukraw l-annimali b’tant imħabba, għożża u kburija.

Din il-wirja li ħadet dimensjoni nazzjonali ta’ kull sena tiġbed uċuħ ġodda u huwa ta’ sodisfazzjon kbir tara familji sħaħ jipparteċipaw sena wara sena f’din il-festa tant popolari żammew mal-pass ta’ missirijiethom li kienu l-pijunieri tal-wirjiet tal-Imnarja.

F’din il-wirja jkun hemm esibituri li jtellgħu prodotti mkabbrin f’pajjiżna u kif ukoll kompetizjonijiet f’diversi kategoriji ta’ ħxejjex, frott, ċereali, newl jew qoton. F’din l-attività jkun hemm ukoll diversi speċi ta’ bhejjem fosthom nagħaġ u mogħoż, baqar, żwiemel, klieb, tjur u fniek imkabbrin fl-irziezet lokali. Kulħadd jista’ jipparteċipa f’din il-wirja billi jibbukkja għand l-uffiċjali inkarigati fl-uffiċċju ġewwa l-Għammieri, Triq Ħal Luqa, Luqa.

L-organizzaturi tal-wirja jistiednu l-pubbliku biex jattendi u jieħu gost bl-atmosfera ferrieħa gewwa il-Ġonna tal-Buskett nhar il-Ħamis 28 ta’ Ġunju mill-17.00 ’l quddiem u l-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju mis-7.00 ’l quddiem. Fost ħafna gabbani ta’ informazzjoni, artiġjanat u pjanti żgur li ma jonqosx li jkun hemm gabbani tal-ikel, ħelu u xorb tradizzjonali Malti.

Il-ftuħ ta’ din l-attività jibda b’parata taż-żwiemel armati fis-6.30 ta’ filgħaxija li għal din is-sena se titlaq minn Triq il-Buskett, ir-Rabat, bil-mistednin distinti jkunu L-Eċċelenza Tagħha l-President ta’ Malta u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. Dawn ikunu akkumpanjati minn parata mtellgħa mill-iscouts ta’ Ħad-Dingli u l-Kavallerija tal-Pulizija li lkoll flimkien jinżlu għall-Buskett fejn hemm tibda l-attività.

Fil-Ġonna tal-Buskett il-pubbliku jkun jista’ jgawdi esibizzjonijiet tal-isbaħ u l-aqwa prodotti tal-ortikultura li ser jibqgħu miftuħin sa nofsillejl. Barra minn hekk, il-banda, il-gruppi folkloristiċi, l-għannejja u oħrajn ser ikunu għaddejjin fil-madwar. Il-Ġimgħa, wara li l-ġurija tispiċċa l-aġġudikazzjoni tal-kompetizzjoni tal-bhejjem għall-ħabta ta’ nofsinhar, ikun hemm l-għoti ta’ premjijiet mill-E.T. President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca assistita mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali l-Onorevoli Clint Camilleri.

Se jkun hemm ukoll is-servizz ta’ shuttle service minn Triq l-Infetti sal-Buskett li tieqaf ħdejn il-Winery, fejn ukoll din is-sena għall-ewwel darba se tkun miftuħa għall-pubbliku. Kull min jattendi ħa jkollu ċ-ċans jara kif isir il-proċess tal-inbid mill-ħaddiema tal-Għammieri li huma f’dan il-qasam. Wiehed ukoll ser jkun jista’ jsib ghall-bejgh inbejjed ta’ kwalita li ghandhom il-marka DOK ‘Malta’, DOK ‘Gozo’ u IĠT ‘Maltese Islands’

Din is-sena wkoll għall-ewwel darba fil-ġurnata tal-Imnarja 29 ta’ Ġunju, il-Palazz Verdala ħa jkun miftuħ għall-pubbliku biex min jattendi japprezza r-rikezzi li fih kif ukoll x-xogħol ta’ id il-bennej Malti minn żmien ilu.

F’wieħed mill-irziezet li nsibu ġewwa l-Ġonna tal-Buskett għall-ewwel darba wkoll ħa jkollna żewġ swali; waħda ddedikata għall-kompetizzjoni tal-għasafar imwielda Malta u sala oħra ddedikata għall-entitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħut ġewwa Malta.

Aktar informazzjoni aġġornata tista’ ssibha wkoll fil-paġna www.facebook.com/NisgetArtna

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Min jaf x’kien jirrakkonta Sir Themistocles “Temi” Zammit li kieku wieħed seta’ jiltaqa’ miegħu? Zammit kien individwu eċċezzjonali u ta’ suċċess. Primarjament hu kien tabib, madanakollu huwa kien ukoll professor…

Kultura

Nhar l-Erbgħa, 3 t’Ottubru, u l-Ħamis, 4 t’Ottubru, Heritage Malta se tkun qed tipprovdi lill-pubbliku l-opportunità li jduq l-Istorja fis-sala tal-ikel tal-Mużew Marittimu, il-Birgu. Ibbażata fuq kunċett ġdid li jitraċċa…

Kultura

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna Tal-Grazzja ta’ din is-sena, kif ukoll fl-okkażjoni tal-135 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883, il-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti fi ħdana ser…

Aktar