Edukazzjoni
Żgħażagħ jippubblikaw kitbiethom f’Taħżiż 6

Nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu f’Casino Notabile, is-Saqqajja, se titnieda l-pubblikazzjoni finali ta’ TAĦŻIŻ 6. L-editriċi ta’ din l-edizzjoni hija Simone Inguanez.

TAĦŻIŻ 6 kien imqassam fuq numru ta’ seminars, inkluż wieħed residenzjali, li fihom ġew iġġenerati kitbiet b’esperimentazzjoni. Il-parteċipanti f’din l-edizzjoni kienu Mark Amato, Josianne Block, Sarah Borg, Timothy Borg, Tiziana Borg Busuttil, Jake Buttigieg, Andrew Debono Cauchi, Nathalie De Gabriele Ferrante, Franziska Grech, Ryan Grech, Matthew Hicklin, André Mifsud, Natalia Mizzi, Mark Psaila, u Ingrid Vella.

Is-serata tibda fit-8:00pm, id-dħul huwa b’xejn, u dawk preżenti jingħataw ukoll il-pubblikazzjoni li għall-ewwel darba f’sitt snin qed tiġi ppreżentata f’format ta’ ktieb.

Dakinhar se jitħabbar ukoll il-programm għat-tliet snin li ġejjin. TAĦŻIŻ huwa programm ta’ empowerment u formazzjoni ta’ tnax-il xahar li jġib flimkien żgħażagħ b’interess fil-kitba kreattiva fid-diversi forom tagħha, kemm fil-kuntest tal-letteratura, kif ukoll f’kuntesti artistiċi interdixxiplinarji.

TAĦŻIŻ iħares b’mod ħolistiku kemm lejn il-proċess ta’ kitba kif ukoll lejn l-iżvilupp tal-parteċipanti. Għaldaqstant, il-programm iħares ukoll lejn il-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodotti kulturali li fil-qofol tagħhom jitolbu element ta’ kitba u l-preżentazzjoni pubblika ta’ dawn il-prodotti.

Il-programm hu tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’kordinazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università, u jinkludi workshops residenzjali intensivi, eżerċizzji ta’ kollaborazzjoni kreattiva matul is-sena, kif ukoll pubblikazzjoni u preżentazzjoni pubblika tax-xogħol fl-aħħar tal-programm.