Attivita'
Żjajjar bi gwida fit-Tempji ta’ Skorba waqt l-attività – ‘Frott il-bidwi Mġarri’

Heritage Malta se torganizza żjajjar bi gwida kull siegħa fit-Tempji ta’ Skorba waqt l-attività ‘Frott il-bidwi Mġarri’ li se ssir nhar il-Ħadd 22 t’April.

It-Tempji ta’ Skorba jinsabu fiż-Żebbiegħ, fil-limiti tal-Imġarr, li huwa sinonimu mal-qasam agrikolu f’Malta. Is-sit fejn jinsabu dawn it-tempji mhux biss joffru xeni mill-isbaħ tal-ambjent rurali Malti iżda jfakkru lill-viżitatur fl-ambjent li kien imdawwar bih dawn it-tempji.

Skorba kien l-ewwel sit megalitiku li fih intużat teknika moderna għall-iskavar. Kienu ġew identifikati numru ta’ oġġetti arkeoloġiċi minn fażijiet differenti tal-preistorja Maltija. Skorba, flimkien ma’ ħames tempji megalitiċi oħrajn, huwa nkluż ukoll fil-lista tal-wirt kulturali dinji tal-UNESCO.

Skorba huwa magħruf għaż-żewġ strutturi megalitiċi li jmorru lura għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3000QK) u tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien (3200-2500QK). L-eqdem struttura u l-aktar waħda preservata kienet tikkonsisti fi tlett ikmamar. Ġebel b’dekorazzjonijiet jifformaw parti mit-taraġ li kien iwassal għall-kamra fuq il-lemin. Fis-sit inbena tempju ieħor fiż-żmien tal-fażi tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Din id-darba l-istruttura l-ġdida kienet tinkludi żewġt ikmamar fuq kull naħa u niċċa fin-nofs. Wieħed mit-tempji ntuża wkoll fil-fażi bikrija fiż-żmien il-Bronż meta ġew miżjuda strutturi oħrajn fil-kamra ta’ ġewwa.

L-eqdem fdalijiet jikkonsistu f’ħajt ta’ madwar 11-il metru li jmur lura għal madwar 5200-4500QK. Żewġ strutturi ovali li jmorru lura għall-fażi ta’ Skorba 4400-4100QK ġew skoperti fil-parti tal-lvant ta’ dan is-sit. F’dan is-sit instabu wkoll għadd ta’ oġġetti tal-fuħħar, għadam tal-annimali, figurini kif ukoll fdalijiet ta’ għerejjex domestiċi minn fażijiet differenti mill-istorja preistorika ta’ Malta.

Waqt l-attività ‘Frott il-bidwi Mġarri’, Heritage Malta se tiftaħ dan is-sit għall-pubbliku bejn id-9.00am u l-5.00pm, l-aħħar dħul fl-4.30pm, għall-prezz imraħħas ta’ €3. Se jsiru wkoll żjajjar bi gwida. Dawn se jsiru kull siegħa kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-ewwel żjara bi gwida se ssir fl-10.30am u se tkun bil-Malti filwaqt li l-aħħar żjara bi gwida se ssir fis-2.30pm u tkun bl-Ingliż. Bil-għan li l-viżitatur jesplora bl-aħjar mod dan is-sit, kull żjara bi gwida se tkun miftuħa għal grupp ta’ madwar 25 persuna.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw dakinhar mit-Tempji ta’ Skorba.

Iktar tagħrif dwar attivitajiet organizzati minn Heritage Malta jinkiseb mill-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org

 

 

 

 

 

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Wara s-suċċess li kisbet il-Gozo Youth Orchestra bil-preżentazzjoni tal-11-il edizzjoni tal-ispettaklu mużikali Opera vs Pop under the Stars fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Lulju, issa jmiss lil…

Attivita'

Nhar il-Ġimgħa 31 t’Awwissu u s-Sibt 1 ta’ Settembru, sitt produzzjonijiet qosra ser ikunu qed jitellgħu ġewwa Bormla fl-ewwel edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Dawn is-sitt plays, ta’ 20 minuta…

Attivita'

Hekk kif is-sajf issa daħal f’laqwa tiegħu, mhux b’inqas l’għadd kbir ta’ attivitajiet li jiġu organizzati matul dan l-istaġun. Għawdex f’dan iż-żmien ikun fl-aqwa tiegħu, b’għadd kbir ta’ Maltin u…

Attivita'

Heritage Malta qiegħda tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi l-wirt kulturali u naturali fil-viċinanzi ta’ Għar Dalam f’atmosfera differenti u li jorqdu fil-miftuħ u f’ambjent sigur u trankwill bejn is-Sibt 11…

Aktar