Wirja
Żjara esklussiva bil-lingwa tas-sinjali fil-MUŻA

Bħala parti mill-missjoni tagħha biex tassigura li l-elementi tal-wirt kulturali jkunu aċċessibbli għal kulħadd, qed tiġi organizzata żjara speċjali ġewwa l-MUŻA minn Heritage Malta u l-Aġenzija Sapport, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Lulju, għal dawk li għandhom diffikultà fis-smiegħ. Dan l-avveniment huwa miftuħ għall-etajiet kollha u kull parteċipant jista’ jkun akkumpanjat mill-familjari tiegħu.

MUŻA, il-mużew ġdid tal-arti, joffri esperjenza unika. Il-parteċipanti jistgħu jesploraw il-kollezzjonijiet estensivi li hemm esebiti ġewwa fih, li ġew ispirati minn għażla ta’ ġrajjiet ippreżentati f’erbgħa sezzjonijiet. L-arkitettura storika tal-post li ġiet restawrata biex tilqa’ l-mużew fiha hija wkoll esperjenza minnha nnifisha.

Matul din iż-żjara, se jkun hemm esperti tal-lingwa tas-sinjali li se jkunu qed jakkumpanjaw lill-udjenza sabiex jittraduċu dak li jkun qed jispjega l-kuratur. L-għan prinċipali ta’ din l-attività hu illi l-mużew jilħaq udjenzi differenti u biex l-arti tkun aċċessibbli għal aktar nies kemm jista’ jkun.

Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas iżda min jixtieq jieħu sehem, jeħtieġ jibbukkja post mal-Aġenzija Sapport. Dawk li għandhom il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta jew il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta huma mħeġġa jġibuh magħhom għal din iż-żjara ħalli jiġi ttimbrat.

Din hija t-tieni attività tax-xorta tagħha li qed tiġi organizzata minn Heritage Malta. L-ewwel avveniment sar fil-Katakombi ta’ San Pawl, ir-Rabat, u aktar attivitajiet bħal dawn qed jiġu ppjanati.

Iż-żjara tibda fis-1.00pm u tintemm fit-3.00pm.

Għal aktar tagħrif, ikkuntattja lill-Aġenzija Sapport fuq 22568000, inkella lil Heritage Malta fuq 2395 0360.