Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer fuq il-faċċata tal-erba’ ġurnali tal-lum, it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2020.

 

The Times of Malta

Fl-ewwel paġna l-ġurnal The Times of Malta jirrapporta li l-Istitut Malti għall-Accountancy mistenni jieħu azzjoni fuq membri li b’mod dirett jew indirett jkunu involuti f’prattiċi illeċiti. Mal-ġurnal il-president Fabio Axisa qal li membri tal-istitut li jsibu ruħhom akkużati b’prattiċi illeċiti se jiġu msejjħa quddiem il-bord biex jistħarreġ din l-imġieba professjonali. Mal-ġurnal jgħid li din il-materja ġiet diskussa fit-tul waqt l-aħħar laqgħa ġenerali annwali tal-istitut li telgħet b’mod virtwali. Storja oħra fl-ewwel paġna tal-ġurnal tgħid li 100 persuna l-bieraħ inġabru fil-Miżieb biex jipprotestaw il-ftehim tal-Gvern mal-FKNK li se jkun qiegħed jagħti l-kontroll taż-żona tal-Miżieb u l-Aħrax lil din l-għaqda. Il-ġurnal jgħid li aktar protesti huma mistennija fil-ġranet li ġejjin.

L-Orizzont

L-Orizzont fl-ewwel paġna rapport mill-qorti li jgħid kif fil-Qorti lbieraħ Jeremiah Joshua Jarrett ta’ 35 sena mill-Istati Uniti tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli bi stalking u fastidju fuq tfajla Maltija wara li allegatament bagħtilha mal-14,000 email. Il-ġurnal jgħid li l-Amerikan ġie mixli bi stalking u fastidju fil-konfront tat-tfajla Maltija. Rapport ieħor fl-ewwel paġna, jgħid li kumpaniji f’pajjiżna li huma involuti fil-ġarr tal-merkanzija minn u lejn Malta jinsabu mħassbin bl-aħħar żviluppi fejn jirrigwardjaw il-pjani tal-Gvern Ingliż mal-ftehim ta’ Brexit. B’ritratt fuq il-faċċata l-ġurnal jikkwota lil Prim Ministru Robert Abela f’attività politika jgħid li l-Gvern se jibqa’ jħares ir-ruħ soċjali.

The Malta Independent

The Malta Independent fl-ewwel paġna rapport dwar l-attività politika li telgħet il-bieraħ mill-Partit Laburista fejn il-Prim Ministru rrisponda l-mistoqsijiet ta’ dawk preżenti. Il-ġurnal jibda biex jgħid li l-Prim Ministru qal li mhuwiex lok li tissejjaħ mill-ġdid emerġenza tas-saħħa pubblika. Il-ġurnal jikkwota lil Prim Ministru jgħid li l-għeluq mill-ġdid tal-ajruport mhuwiex it-triq il-quddiem iżda jrid jiżgura li l-ivvjaġġar ikun sigur. Storja oħra fil-faċċata tgħid li 110 student mill-Università ta’ Malta u l-Mcast mistennija jibdew l-istudji tagħhom barra minn Malta f’dan l-ewwel semestru edukattiv.

In-Nazzjon

Fl-ewwel paġna ritratt tal-maratona ġbir ta’ fondi organizzata l-bieraħ mill-Partit Nazzjonalista. Fl-istess paġna rapport dwar l-intervista li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilbieraħ fuq l-istazzjon tal-partit li fiha jgħid il-ġurnal tkellem dwar l-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday fejn skontu iż-żewġ mexxejja jinsabu l-eqreb li qatt kienux minn Ottubru ta’ 2017. Il-ġurnal jgħid li Grech tkellem dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit li qal jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiż. Il-ġurnal jgħid ukoll li l-Gvern jidher li ma għandu l-ebda pjan ħlief li jsiru sinjuri tal-qalba.