Ippjanar u bini
10 bidliet ewlenin fil-policy l-ġdida tal-pompi tal-petrol

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat il-policy riveduta dwar il-pompi tal-fjuwil b’għaxar bidliet ewlenin fosthom limitu fuq l-ammont u d-daqs tal-pompi. Il-policy tipprovdi biex l-pompi eżistenti biss li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent mibni jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.

B’hekk l-Awtorità tal-Ippjanar mhux se taċċetta applikazzjonijiet għall-pompi ġodda jew estensjonijiet ta’ pompi eżistenti li huma parzjalment jew kollha kemm huma fuq art ODŻ. Il-policy għandha l-appoġġ tal-Awtorità għall-Ambjent.

Fil-policy riveduta dwar il-pompi tal-petrol, l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmilha ċara li mhux se toħroġ aktar permessi għal pompi tal-fjuwil ġodda u li d-daqs tal-art fejn jistgħu jiġu rilokati l-pompi li jinsabu fl-abitat titnaqqas b’terz; minn massimu ta’ 3,000 metru kwadru għal 1,000 metru kwadru inkluż il-faċilitajiet anċillari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Perit Martin Saliba qal li l-policy ġdida ssegwi proċess ta’ konsultazzjoni u fiha madwar għaxar bidliet ewlenin mill-policy tal-2015.

“Ħa jkun permess biss fuel stations eżistenti li għandhom bżonn jiġu rilokati,” qal il-Perit Saliba.

Barra minhekk estensjonijiet ta’ pompi tal-fjuwil li huma parzjalment jew kollha fuq art ODZ mhux se jiġu aċċettati. Fost oħrajn lanqas se jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni tal-pompi siti fejn hemm raba.

Il-policy ġdida se terġa jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘buffer zone’ bejn pompi tal-fjuwil ġodda u binjiet bħal skejjel, sptarijiet u spazji ta’ rikreazzjoni. Il-policy tistabilixxi ukoll li ma jinbnewx pompi tal-pompi f’distanza ta’ inqas minn 500 metru minn pompa oħra eżistenti.

Il-policy riveduta li kienet mistennija ħafna speċjalment minn għaqdiet mhux governattivi, għandha l-appoġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, il-Perit Michelle Piccinino qalet li jinsabu sodisfatti ħafna li t-tħassib li kellhom ġie indirizzat u l-abbozz finali jsib bilanċ tajjeb.

“Fuq naħa iħares li jiġu rilokati fuel stations li qed ikunu problema għall-ambjent urban imma fl-istess ħin hemm is-salvagwardja għall-ambjent naturali u għaż-żoni ODŻ,” qalet il-Perit Piccinino.

Il-Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia qal li dan hu żvilupp importanti li jwitti t-triq għal pjanar aktar intelliġenti.

“Illum qed inżomm mal-wegħda li nirrevedi l-fuel stations policy fl-ewwel 100 jum ta’ ħidma tiegħi bħala Ministru b’policy ġdida maqbula mill-Awtorità tal-Ambjent u mill-Awtorità tal-Ippjanar,” qal il-Ministru Aaron Farrugia.

Il-Ministru qal li issa jistenna li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem fuq l-użu akbar tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku.