
L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 10 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta minn fost 1,314 swab test.
Sitta mill-10 każijiet ġodda għandhom rabta mal-festa ta’ Santa Venera filwaqt li l-bqija huma każijiet sporadiċi.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li mill-10 persuni li rriżultaw pożittivi fl-aħħar sigħat, kważi kollha ma marrux għax-xogħol waqt li kellhom is-sintomi.
Fl-aħħar 24 siegħa ma ġie rreġistrat ħadd li rkupra mill-virus u għalhekk minn Marzu ‘l hawn f’Malta fiequ total ta’ 665 persuni mill-Covid-19.
Mil-lum l-awtoritajiet tas-saħħa bdew jgħoddu wkoll mat-total ta’ każijiet, dawk ta’ immigranti li ġew salvati miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.
Riżultat t’hekk, it-total ta’ każijiet pożittivi għall-coronavirus li ġew irreġistrati f’Malta minn Marzu ‘l hawn issa huwa ta’ 824 li minnhom 150 għadhom attivi.
85 mill-każijiet attivi huma ta’ immigranti li ddaħħlu Malta f’żewġ gruppi differenti aktar kmieni din il-ġimgħa.
Ara wkoll:
X’miżuri restrittivi għall-attivitajiet tal-massa daħlu fis-seħħ mil-lum?