Saħħa
10 koppji Maltin b’embrijuni friżati wara l-emendi fil-liġi tal-IVF

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne wieġeb fuq diversi setturi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, miż-żieda fil-każi tal-HIV, ir-relazzjoni li hemm ma’ Steward Health Care u t-trattamenti l-ġodda tal-IVF, fost oħrajn.

Il-proċedura tal-IVF li bdiet tintuża minn Ottubru, wara l-emendi fil-liġi tal-protezzjoni tal-embrijun, diġà għenet tmien nisa li għall-ewwel darba setgħu jiffertilizzaw ħames bajdiet flok tnejn. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-programm Dissett ikkonferma li hemm minnhom li qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom bis-saħħa tal-emendi fil-liġi li saru din is-sena.

Dwar l-embrijuni friżati, il-Ministru Fearne qal li hemm għaxar koppji li għandhom l-embrijuni iffriżati, u spjega li tmienja minnhom ser jużawhom fiċ-ċiklu li jmiss.

“Iċ-ċans li jkollhom tarbija b’dan l-embrijun iffriżat huwa akbar min kif kien qabel, li int ikollok bajda li tkun iffriżata, tneħħiha mill-friża u tiffertilizzaha. L-embrijun friżat għandu riskju inqas li titilfu, allura li titlef ħajja, milli kieku bil-liġi l-antika,” spjega d-Deputat Prim Ministru.

Mistoqsi kif din il-liġi bdiet titwettaq minkejja li hemm kawża kostituzzjonali dwarha, il-Ministru Fearne insista li l-Parlament jagħmel il-liġijiet.

Dwar il-ftehim ma’ Steward Health Care, Dr Fearne qal li dawn fl-aħħar sena diġà investew €25 miljun. Huwa ikkonferma li l-Gvern qed jinnegozja magħhom biex jintroduċu elementi ġodda fil-qasam tal-kura.

“Steward għandhom sistema, fejn apparti n-nurse, ikun hemm sistema ta’ sorveljanza, fejn kull pazjent ikollu tmien monitors, u jkollok nurse speċjalizzat f’post ieħor illi tagħmel superviżjoni ta’ dak li tkun qed tagħmel in-nurse. Allura jekk nurse tinsa xi ħaġa hemm livell ieħor li qed jara fuqha,”  spjega d-Deputat Prim Ministru.

Mistoqsi dwar l-introduzzjoni tar-robotika fl-operazzjonijiet, il-Ministru Fearne qal li dawn diġà qegħdin jintużaw fuq pazjenti Maltin barra l-pajjiż. Sostna li l-kirurgi se jibqgħu jagħmlu l-operazzjoni u jridu din l-għajnuna robotika fit-tħaddim tal-għodod tal-operazzjonijiet.

“Dawn l-operazzjonijiet jieħdu s-sigħat. Jekk ikun hemm assistent uman jibda jgħejja, tiċċaqlaq il-kamera, il-probe, u l-operazzjoni ma ssirx perfetta. Ir-robot iżommlok dawn il-probes b’mod preċiż, tista’ tkellmu, jifhmek, u jaħdem b’mod preċiż sal-anqas millimetru. Jiġifieri r-robot li jagħmel, jagħmel l-operazzjoni li jagħmel il-kirurgu, u l-kirurgu jibqa’ jagħmilha ‘b’mod aktar preċiż.”

Il-Ministru Fearne qal li l-proġetti għat-tkabbir tal-isptar Mater Dei ser jibdew is-sena d-dieħla. Dwar l-isptar ta’ Għawdex, Dr Fearne qal li x-xogħol fuq il-kampus ta’ Barts jinsab fi stadju avvanzat, u li wara li jitlesta jibda x-xogħol fuq l-isptar t’Għawdex.

Dissett jixxandar illejla fuq TVM, wara l-bulettin tal-aħbarijiet tat-8.00pm.

Aħbarijiet Oħra
Ġurnali

In-Nazzjon: Fuq il-faċċata, kif qed jagħmlu ħafna mill-ġurnali tal-lum, ritratt tal-Prim Ministru Ingliża Theresa May li lbieraħ irnexxielha ssalva minn vot ta’ sfiduċja kontriha fil-partit konservattiv b’200 vot favur u…

Lokali

Matul il-ġurnata il-PBS se jiftaħ il-bibien tiegħu għas-segwaċi tal-programmi tat-tv u tar-radju biex ikollhom l-opportunità jaraw l-istudjos minn fejn jixxandru l-programmi u jiltaqgħu mal-preżentaturi u atturi li tant jammiraw. Fosthom…

Kronaka

Żewġt irġiel indarbu meta ttajru minn vettura f’B’Kara. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30am, bil-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dun Karm, Birkirkara. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq…

Kronaka

Raġel sofra minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat. L-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq Sqaq iċ-Ċawla. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ…

Aktar