Kultura
10 siti storiċi taħt il-baħar se jitgawdew minn kulħadd permezz tat-teknoloġija tar-realtà virtwali

B’investiment ta’ €100,000 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, skavi u relitti ta’ taħt il-baħar li normalment esplorati mill-għaddasa se jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd permezz tat-teknoloġija tar-realtà virtwali. Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li waqt ix-xhur tal-pandemija, ix-xogħol baqa’ għaddejj sabiex Malta tkompli tirriklama lilha nnifisha bħala d-destinazzjoni unika.

Minn fdalijiet tal-Feniċi sa’ sottomarini tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-baħar Mediterran jaħbi fih diversi teżori ta’ valur storiku u ta’ interess għall-eluf ta’ għaddasa li jżuru Malta għall-għads. Huwa stmat li sena l-oħra 6% tat-turisti li żaru Malta ipparteċipaw f’attività tal-għads. Bl-għan li jkompli jiġi reklamat das-settur, l-Awtorità għat-Turiżmu b’kollobarazzjoni mal-Università ta’ Malta u Heritage Malta nedew l-ewwel mużew virtwali ta’ taħt il-baħar.

Permezz tar-realtà virtwali, għaxar siti storiċi li jinsabu taħt il-baħar se jkunu jistgħu jitgawdew min kulħadd. Il-Professur Timmy Gambin qal li dan il-proġett kien jinvolvi proċess ta’ scanning elaborat.

”Fid-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta għandna proġett kbir mill-proġett Syntagram, fejn niskannjaw mijiet u mijiet ta’ kilometri ta’ baħar. Ikollna indikazzjoni ta’ affarjiet li hemm taħt baħar, bastiment jew xeni jew ajruplan u skont kemm għandna sejbiet għandna tim internazzjonali fejn ninżlu b’apparat speċjali u nirrekordjaw.”

Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li minkejja li din is-sena l-istaġun turistiku se jibda tard, għaddejja ħidma sabiex Malta tibqa’ attraenti għat-turist.

”Malta hi lesta li li tilqa’ t-turisti fis-sigħat li ġejjin u Malta qed toffri prodott differenti u prodott li aktar iħajjar lit-turist li għadu barra minn xtutna biex jesplora lill-pajjiżna qabel bdiet il-covid.”

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia qal li bi proġetti bħal dawn Malta tista’ tkompli tattira turisti f’niċċa partikolari li kif juru n-numri hi popolari ferm.

Anthony Scicluna, iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ftit xhur wara li Heritage Malta welldet id-Dipartiment tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar diġà beda jħalli l-frott. Qal li dan ser ikompli jagħti valur miżjud lit-turisti li jżuru Malta.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ippospona d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-bini ta’ supermarket tal-Lidl fi Triq Ħ’Attard Ħaż-Żebbuġ li huwa ppjanat li jsir fuq medda art ta’ 2,200 metru kwadru flimkien ma’ parkeġġ…

Turiżmu

Skont studju kkummissjonat mill-MHRA, sitta fil-mija tal-lukandiera f’Malta jemmnu li sa tmiem is-sena d-dieħla t-turiżmu jista’ jirkupra għal kif kien qabel il-pandemija tal-COVID-19. 17% qalu li n-numri tat-turisti tas-sena li…

Lokali

Mit-tlieta ta’ Awissu li ġej ħaddiema barranin jistgħu jerġgħu jibdew japplikaw għas-single permit, li huwa permess ta’ xogħol u anki residenza f’Malta. Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat qal li minħabba l-pandemija, il-ħaddiema…

Aktar