100 sena tal-Klarissi f’Malta: Bdew b’24 u għadhom 24

Il-Knisja Kattolika qed tiddedika l-2015 għall-ħajja ikkonsagrata. F’Malta għandna diversi komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata; reliġjużi irġiel u nisa impenjati f’ħidmiet differenti bħall-edukazzjoni, sehem fil-parroċċi u pastorali maż-żgħażagħ, anzjani u morda, fost l-oħrajn. Hemm ukoll dawk li ddedikaw ħajjithom għat-talb, f’ħajja kontemplattiva.

Is-Sorijiet tal-Klarissi għadhom kemm iċċelebraw l-100 sena tagħhom f’Malta. Bdew b’24 soru. Seklu wara l-komunità tammonta wkoll għal 24, fosthom erbgħa f’Għawdex. Fil-Monasteru ta’ Santa Klara f’San Ġiljan iltqajna ma’ tnejn mis-sorijiet.  Il-Vigarja Suor Claire Francois Micallef ngħaqdet mal-Klarissi meta kellha 29 sena. Tgħid li taf il-bidu tal-vokazzjoni tagħha għaż-żjara f’Malta ta’ San Gwanni Pawlu t-Tieni. Impressjonaha l-mod li bih kien jinġabar fit-talb.

“Filli jiena avventuruża, inħobb ħafna l-isports, kont impenjata ħafna fl-isports, filli nixtieq nagħmel affarijiet kbar fid-dinja, filli f’daqqa waħda nħoss lill-Mulej fil-qalb tiegħi jgħidli ‘Soru Klarissa’. U jiena skantajt. Soru Klarissa jien? Kif jista’ jkun Mulej? Jien? Dik li ma tantx tajt kasek fil-ħajja? U reġa’ rrepeta ‘Soru Klarissa’. U mbagħad jiena weġibt ‘Mulej jekk inti trid jiena rrid imma trid tgħinni,’ qalet Suor Claire Francois Micallef.

Sorijiet KlarissiIs-sejħa għal vokazzjoni ta’ Soru tal-Klarissi kienet differenti għal Suor Claire Agnes Xerri li daħlet fil-monasteru meta kellha 21 sena. Tgħid li ħasset lil Alla jsejħilha meta kien għad kellha seba’ snin iżda maż-żmien bdiet twarrabha minħabba li xtaqet tesperjenza dak li toffri l-ħajja. Madankollu stqarret li baqgħet tgħix f’vojt u għalhekk qatgħet ir-relazzjoni mal-għarus u bdiet tfittex li toqrob lejn Alla. Ħasset lill-Mulej isejħilha f’Betlem waqt pellegrinaġġ fl-Art imqaddsa.

“Kien hemm Patri Franġiskan qed idoqq l-orgni u jiena dak il-ħin għedtlu ‘Gesu’, jekk tridni mal-Klarissi għamel li dal-Patri jdoqqli l-għanja tal-ħlejjaq ta’ San Franġisk, dik li nafu Dieħla ġo qalbi. U dak il-Patri hekk waqaf dak il-ħin, żewġ minuti hekk għaddew, dawwar il-karta u beda jdoqq l-Għanja tal-Ħlejjaq,” qalet Suor Claire Agnes Xerri.

It-talb hu l-ewwel prijorità fil-ħajja tas-sorijiet tal-Klarissi li jqattgħu l-parti kbira tal-ġurnata miġbura fit-talb u l-adorazzjoni li permezz tagħhom jgħidulna li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom m’Alla. Meta jidħlu l-monasteru, il-firda mill-familja hi iebsa. Jiltaqgħu mal-familja darba fix-xahar fil-parlatorju tal-monasteru. Jgħidu li l-fidi issaħħahom anke f’dan l-aspett.

Minkejja li huma sorijiet tal-Klawsura, il-Klarissi f’San Ġwann għandhom kuntatt mad-dinja ta’ barra kemm permezz ta’ ittri u telefonati li jirċievu, iżda wkoll b’website u paġna fuq facebook. Fl-okkazjoni tal-100 sena mit-twaqqif tal-Klarissi f’Malta, is-sorijiet stess, ħadu hsieb joħorġu cd bl-isem ta’ “Lilek Irrid”, bi 15-il għanja li Suor Claire Agnes tgħid huma mezz kif jgħaddu lill-pubbliku l-imħabba tagħhom lejn Alla.