100 tifel u tifla ttieħdu lill-ġenituri għall-kura mill-istat fl-2020

F’pajjiżna nsibu diversi servizzi offruti minn entitajiet varji, bl-għan li kull tifel u tifla ikunu mħarsa. ‘Popolin’ iddiskuta dan u analizza l-ambjent ta’ familji li jiġu bżonn is-servizzi ta’ dawn l-entitajiet.

Statistika maħruġa fl-2020 tindika li bejn l-2017 u l-2018 kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont ta’ care orders maħruġa. Dan in-numru naqas fl-2019 u kompla jonqos fl-2020 fejn inħarġu ħmistax-il care order. Mistieden waqt il-programm Steve Libreri, Social Work Manager tenna li kull care order li toħroġ mill-entitajiet soċjali toħloq element ta’ disfatta fl-istess ħaddiema dan għaliex anke jekk ikun hemm każ wieħed biss, ukoll huwa ħafna. Kull tifel u tifla għandhom jgħixu f’ambjent ta’ familja sigura; “Aħna naħdmu u nagħfsu ħafna biex inżommu l-familji flimkien. Nagħmlu sensiela ta’ terapiji biex propju nevitaw il-care orders. Il-care orders huma l-aħħar għażla tagħna u jinħarġu biss meta naraw li hemm periklu fuq it-tfal”.

Mistoqsija mill-preżentatur kemm ikun faċli biex tfal li jidħlu fil-kura tal-istat, imorru lura mal-ġenituri tagħhom jew ma’ membri oħra tal-familja, Remenda Grech, Direttriċi fl-Aġenzija Appoġġ qalet li l-istrutturi tal-care orders mhux dejjem kienu b’tali mod li jiffaċilitaw il-proċess biex it-tfal jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom. Grech spjegat li fis-2020 kien hemm mitt każ ta’ tifel jew tifla li b’mod volontarju ngħataw lill-istat biex jieħu ħsieb il-kura tagħhom.

“Minn naħa tagħna nħarsu lejn l-interess tat-tfal, il-viżjoni tad-direttorat hija li meta t-tfal jgħaddu minn care order, fi żmien sena jew sentejn jingħataw biżżejjed ħiliet u għajnuna lil dik il-familja biex tirranġa d-diffikultajiet tagħha biex b’hekk tkun tista’ terġa tingħaqad ma’ ulieda malajr kemm jista’ jkun”.