COVID-19
Il-Prof Gauci tgħid li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ġodda qed joħorġu minn djar tal-anzjani

Illum ħarġu numru rekord ta’ kazijiet ta’ COVID-19 f’ġurnata waħda – 106. F’kumment ma’ TVM, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-parti l-kbira tal-każi pożittivi qed jirriżultaw mid-djar tal-anzjani u tennet b’appell biex il-pubbliku jżomm id-distanza soċjali, jilbes il-maskri u jħares l-iġjene personali bil-ħasil tal-idejn u l-użu tad-diżinfettant.

Rekord ta’ każijiet ta’ COVID-19 f’24 siegħa wara li sat-Tnejn f’nofsinhar ġew konfermati 106 każi minn 2,470 swab test. L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw ukoll li fiequ 22 persuna biex il-każi attivi telgħu għall-591.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat ma’ TVM it-tħassib tagħha għal dan in-numru kbir ta’ każi pożittivi meta jitqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni Maltija. Żiedet tgħid li l-parti l-kbira tal-każijiet ġodda, anke dawk irreġistrati fl-aħħar sigħat, qed joħorġu minn djar tal-anzjani.

”Fejn anke jekk tħares lejn il-każijiet li qed naraw bħalissa, anke mill-każi tal-lum huma parti minn dak il-cluster li qed ikun magħna fid-djar tal-anzjani li hija wkoll inkwetanti għax qed narawh li qed jolqot lill-anzjani, li huma l-iktar vulnerabbli li qed jiġu affettwati.”

Anke fil-każijiet tal-bieraħ iddominaw il-każijiet li qed joħorġu minn djar tal-anzjani hekk kif minn ħarsa dwar il-każijiet pożittivi tal-bieraħ l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li b’kollox ħarġu 18-il każ ġdid – tlieta mill-cluster preżenti fid-Dar San Ġużepp fil-Fgura u 15-il każ ieħor mill-cluster tad-dar tal-anzjani Casa Antonia. Mill-każijiet tat-Tlieta hemm ukoll għaxar persuni li l-qraba tagħhom kellhom il-COVID-19, ħames każjiet li rriżultaw minn fuq il-postijiet tax-xogħol u żewġ każi li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni bil-coronavirus.

Il-Professur Gauci kompliet tappella biex tintlibes il-maskra, u biex il-pubbliku josserva l-prattika tal-iġjene speċjalment il-ħasil tal-idejn u l-użu tad-diżinfettant. Qalet li preżentament hemm 44 persuna li qed jingħataw kura għall-COVID-19 fi tliet sptarijiet. 21 persuna qed jinżammu l-isptar Mater Dei b’wieħed minnhom fit-taqsima ta’ kura intensiva. 12-il persuna oħra qed jinżammu fl-isptar St Thomas filwaqt li 11-il pazjent ieħor qegħdin l-isptar Boffa.

U mill-bidu ta’ Marzu ‘l hawn il-każi ta’ COVID-19 issa huma ta’ 2,560 li minnhom fiequ 1,953 u b’kollox diġà saru iktar minn 221 ,ooo swab test.

 

Aħbarijiet Oħra

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li tinsab imħassba serjament bil-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-COVID-19 fl-Ewropa. Dan hekk kif il-każi attivi fil-kontinent qabżu l-għadd ta’ każi f’Marzu li għadda. L-imxija tal-COVID-19…

Aktar