Barranin
1,072 mewt bil-Covid-19 fir-Russja f’24 siegħa

Il-Coronavirus qed jerġa’ jgħolli rasu speċjalment f’pajjiżi fejn it-temp xitwi dieħel ġmielu bħar-Russa u r-Renju Unit. Mill-banda l-oħra, nifs għall-Awstraljani fejn ir-restrizzjonijiet kulma jmur qed jonqsu.

Ir-Russja rreġistrat 1,072 mewt bil-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa. Kienu rrapportati wkoll 35,660 każ ġdid, aktar minn 5,000 minnhom fil-kapitali Moska fejn erbat ijiem oħra se jerġa’ jiġi mpost lockdown pazjali. Għall-ewwel ġimgħa ta’ Novembru mbagħad se jingħalqu l-postijiet tax-xogħol fil-pajjiż kollu. Minkejja li kienet l-ewwel li żviluppat tilqima kontra l-coronavirus, ir-Russja rnexxielha tlaqqam biss terz tal-popolazzjoni, fost l-inqas rati ta’ tilqim fl-Ewropa.

L-isptarijiet fir-Renju Unit diġà qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-pazjenti li għandhom hekk kif din il-ġimgħa, il-pajjiż irreġistra żieda ta’ 15 fil-mija fl-infezzjonijiet ġodda ta’ Covid-19. Is-Sibt biss, kienu rreġistrati kważi 45,000 każ ġdid. Anki l-imwiet żdiedu bi 12 fil-mija matul din il-ġimgħa.

Filwaqt li t-tilqim u kura medika aħjar naqqsu drastikament l-imwiet, l-isptarijiet xorta jinsabu mimlijin u r-rata ta’ mwiet bil-Covid fir-Renju Unit hija ħafna ogħla minn ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Konsulenti dwar is-saħħa pubblika qalu li qed isiru tħejjijiet biex jerġgħu jiġu ntrodotti miżuri li jrażżnu l-firxa tal-imxija bħal li ħaddiema jaħdmu mid-dar. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li mhux mistenni jerġa’ jirrikorri għal lockdown.

Melbourne, l-aktar belt fid-dinja li esperjenzat lockdowns minħabba l-imxija tal-Covid-19 u li għadha kemm neħħiet numru ta’ restrizzjonijiet, mistennija tibqa’ miexja f’din id-direzzjoni hekk kif l-istat ta’ Victoria se jkun laħaq il-mira li jlaqqam 80 fil-mija tal-popolazzjoni. Il-ħames miljun persuna li jgħixu f’Melbourne qattgħu kważi disa’ xhur jgħixu b’restrizzjonijiet waqt sitt lockdowns minn Marzu 2020 ‘l hawn/ Min-nhar il-Ġimgħa, se jkunu jistgħu jivjaġġaw fl-istat u mhux se jkollhom għalxiex jilbsu l-maskri.