Ambjent
11-il bajja f’Malta u Għawdex jieħdu l-Blue Flag – imfaħħra l-miżuri tal-Covid

11-il bajja f’Malta u Għawdex irċevew il-Blue Flag għas-sajf li ġej, bil-ġurija li din is-sena kkunsidrat ukoll il-miżuri li l-pajjiżi ħadu biex jilqgħu għall-imxija tal-pandemija.

Il-ġurija tal-Foundation for Environmental Education – FEE f’Copenhagen innutat li Malta u Għawdex imxew sew mar-restrizzjonijiet biex iħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jżuru l-bajjiet.

Intqal li l-bajjiet li ngħataw Blue Flag dan is-sajf se jkunu qed jiġu spezzjonati bil-għan li l-osservazzjonijiet jiġu ppreżentati għall-ġurija s-sena d-dieħla.

Il-bajjiet Maltin u Għawdxin bil-Blue Flag għal din is-sena huma: Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Westin Dragonara Beach Resort f’San Ġiljan, il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, il-Qawra Rock Beach, il-Buġibba Perched Beach, il-bajja tal-Għadira fil-Mellieha, Golden Sands Bay fil-Mellieħa, il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa Bay fl-Imġarr, ir-Ramla l-Ħamra fix-Xagħra, Ħondoq ir-Rummien fil-Qala and l-bajja ta’ Marsalforn.

Blue Flag International ħeġġet lil Malta biex tibda tikkonsidra wkoll li tapplika għal dan l-unur għall-marinas, li sal-lum għad m’għandhomx Blue Flag.