Press Briefings
11-il każ ġdid ta’ COVID-19 f’pajjiżna – l-ewwel każ minn Għawdex

Malti ta’ 61 sena żviluppa kumplikazzjonijiet ta’ saħħa bi pnewmonja fil-pulmun tiegħu fl-aktar każ serju s’issa ta’ pazjenti bil-coronavirus.

“Meta għamilnielu t-testijiet ħareġ li għandu pneumonia bilaterali – jiġifieri l-pulmuni t-tnejn huma affettwati b’infezzjoni qawwija li din tirriżulta li hija kumplikazzjoni minn dan il-virus – u allura huwa l-ewwel każ li għandna l-kumplikazzjonijiet. Il-qagħda tiegħu mhix kritika jiġifieri m’għandux bżonn jiddaħħal l-ITU iżda qed insegwuh għax hemm kumplikazzjonijiet li jistgħu jwassluh għal kumplikazzjonijiet oħra.”

Is-Supretednent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li dan kien wieħed mill-11-il persuna li ġie konfermat li għandu l-virus Covid-19, wara li ħass s-sintomi b’deni, sogħla u qtugħ ta’ nifs. Qalet li anke s-sieħba tiegħu ta’ 45 sena ħadet il-virus. Spjegat li l-koppja taħdem flimkien u setgħu kienu esposti għal kollega li kienet imsiefra.

Fl-aħħar aġġornament, il-Professur Gauci qalet li rriżulta wkoll l-ewwel każ f’Għawdex ta’ raġel ta’ 69 sena. Qalet li ma kienx imsiefer u mill-istħarriġ li sar irriżulta li fl-10 ta’ Marzu, huwa kien f’laqgħa ma’ ħafna persuni u seta’ infetta ruħu hemmhekk. Qal li dan il-każ juri l-ħtiega li jiġu evitati l-attivitajiet fejn ikun hemm ħafna nies.

“Nappella għal kawtela għal kulħadd speċjalment anke għall-anzjani fejn nafu li anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena għandhom ċans ta’ 25 fil-mija jkun hemm kumpluikazzjonijiet li jistgħu jwasslu anke għall-imwiet. Allura appell għar-responsabilità … ma nistgħux inkunu complacent.”

Dwar il-każi l-oħra, il-Prof. Gauci qalet li omm ta’ 30 sena li binha kien irriżulta fil-pożittiv, żviluppat is-sintomi u anke hi nstab li għandha il-covid 19. Każi oħra huma ta’ Malti ta’ 63 sena li kien l-Italja u Malti ta’ 45 sena li wasal mit-Turkija.

Irriżultat ukoll fil-pożittiv Maltija ta’ 49 sena li tahdem fis-settur tas-saħħa li ma kinitx imsiefra u ma kellhiex kuntatt ma’ pazjenti. Ħaddiema oħra fis-settur privat tas-saħħa ta’ 36 sena ġiet infettata wara li aktarx kienet f’kuntatt ma’ ħaddiem ieħor li għandu l-COVID-19. Indjan ta’ 31 sena u Spanjol ta’ 54 sena li jaħdmu Malta wkoll irriżultaw fil-pożittiv.

Il-Professur Gauci qalet li żdiedu t-testijiet biex kemm jista’ jkun titrażżan it-trasmissjoni lokali.

“Aħna qed inftixxu iktar dik it-trażmissjoni lokali. S’issa għamilna total ta’ 2,236 swabs li minnhom dawn 1,389 kienu fuq nies li kienu sintomatiċi u għamilna 847 swabs ta’ nies li daħlu Mater Dei.”

Il-Professur Gauci qalet li m’hemmx indikazzjoni li kien hemm trasmissjoni tal-virus mill-arja, iżda l-virus jittieħed fost oħrajn minn persuna għall-oħra. F’dan il-kuntest uriet id-dizzapunt li fil-festa pubblika tal-bieraħ ħafna injoraw il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa.”Irridu nifhmu li r-responsabilita’ hija ta’ kull individwu li ma mmorrux postijiet fejn ser ikunu ma’ xulxun għax issa nafu li għandna trażmissjoni lokali. Hemmhekk tista’ tilaqa’ ma’ persuna li għandu bidu ta’ sintomi jew inkella sintomi oħrajn u allura huwa faċli li jista’ jeħodha minn persuna għall-oħra. Tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’riskju, tpoġġi persuni oħrajn tal-familja tiegħek f’riskju u tkun qiegħed ukoll tpoġġi lin-nazzjon kollu f’riskju għax tkun dak il-persuna li tkun qed tagħmel trażmissjoni minn persuna għall-oħra.”

Dwar il-fatt li s’issa kienu kkonfermati żewġ każi biss ta’ fejqan mill-64 persuna li ġew konfermati bil-virus, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li t-testijiet fuq il-pazjenti isiru ta’ 14-il jum u jkunu dikjarati mfejqa wara żewġ testijiet fin-negattiv li isiru b’differenza ta’ 24 siegħa bejniethom.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Minn Malta, indawru ħarsitna madwar id-dinja. Nibdew bi Spanja, fejn il-morsa tal-COVID-19 kompliet tissikka bl-ogħla għadd ta’ imwiet f’ġurnata. Rekord ta’ mwiet f’jum wieħed fi Spanja. Fl-aħħar 24 siegħa, mietu…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

Aktar