Kunsilli Lokali
11-il Kunsill Lokali mhux se jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji tagħhom – L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab li ħdax-il Kunsill Lokali mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji tagħhom fiż-żmien li ġej.

F’rapport fuq il-ħidma tal-Kunsilli Lokali matul is-sena li għaddiet li llejla ġie ppreżentat fil-Parlament, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara nnota li seba’ kunsilli lokali baqgħu ma ppreżentawx l-estimi finanzjarji awditjati sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, data li ġiet estiża b’erba’ ġimgħat minħabba l-pandemija. Il-Kunsilli li ma ppreżentawx dawn id-dokumenti huma tal-Birgu, Birkirkara, il-Gżira, il-Qrendi, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi u x-Xgħajra.

L-Awditur Ġenerali osserva li mit-tnejn u ħamsin Kunsill Lokali, ħames Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li bagħtu d-dokumenti awditjati fil-ħin, ma setax jesprimi opinjoni fuq l-estimi finanzjarji ppreżentati mill-Kunsilli Lokali tal-Kalkara u l-Belt Valletta minħabba nuqqas ta’ rekords finanzjarji u dokumentazzjoni oħra. Fl-istess waqt innota li l-audit report ta’ 45 awtorità lokali oħra ġew skwalifikati minħabba li ma kienx hemm biżżejjed dokumentazzjoni.

L-Uffiċċju tal-Awditur jisħaq li hemm bżonn titjib f’ċerti oqsma speċifiċi minħabba l-fatt li xi nuqqasijiet ġew rappurtati ripetutament f’dawn l-aħħar snin fosthom monitoraġġ tal-assi fissi mhux adegwat, nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri statutorji ta’ rapportar, xiri mhux skont ir-regolamenti u kotba tal-kontabilità li ma jkunux aġġornati kif suppost.