Lokali
11-il sena ħabs għal raġel li kellu sehem fis-serqa ta’ €13-il miljun mill-BOV

Ghaleb Alaumary ta’ 36 sena, li hu magħruf mal-awtoritajiet b’rabta ma’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus, intbagħat 11-il sena ħabs fl-Amerka, fosthom minħabba sehmu fis-serqa ta’ €13-il miljun mill-Bank of Valletta, fl-2019.

Ir-raġel, li għandu ċittadinanza Kanadiża u oħra Amerikana, kien akkużat ukoll li kien involut f’serqa oħra li saret minn banek diġitali.

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta ma’ żewġ każijiet ta’ ħasil tal-flus. Flimkien mas-sentenza ta’ priġunerija huwa ġie ordnat iħallas tletin miljun dollaru lura lill-vittmi.

Alaumary u nies oħra li kienu involuti f’dawn ir-reati kienu użaw emails foloz ta’ kumpaniji kbar u tranżazzjonijiet minn ATMS biex jisirqu flus minn klijenti privati tal-banek, li mbagħad kienu jsarrfuhom f’muniti diġitali. Jidher li l-akkużat kien ta kontijiet bankarji lil xi nies biex fihom imorru l-flus li jkunu ġew minn xi reat.

Il-Bank of Valletta ma kienx waħdu li safa’ vittma ta’ Alaumary. Fl-2018, huwa kien seraq minn Bank fil-Pakistan. Vittmi oħra kienu bank fl-Indja, kumpaniji fl-Istati Uniti u r-Renju Unit, individwi fl-Istati Uniti u klabb tal-futbol fir-Renju Unit.

Il-Prosekuzzjoni allegat li Alaumary flimkien ma’ dan il-grupp ħoloq programm, li permezz tiegħu f’medda ta’ snin seraq miljuni ta’ dollari minn diversi kumpaniji, fosthom Sony Pictures Entertainment.

It-tliet irġiel involuti ma’ Alaumary aktarx jinsabu fil-Korea ta’ Fuq u għaldaqstant dawn mhux se jaffaċċjaw il-ġustizzja fl-Istati Uniti għaliex il-Korea ta’ Fuq ma testradix suspettatti lejn l-Amerka.

L-attakk fuq il-BOV, li kien seħħ fi Frar, 2019, kien tmexxa mill-grupp Empire Monkey. S’issa l-Bank irkupra €3 miljun minnhom.

B’rabta mas-serqa tal-BOV, l-influencer Ramon “Hushpuppi” Abbass kien ammetta s-sehem tiegħu fis-serqa, kemm tal-BOV u banek oħra. B’kollox, f’dawn is-serqiet kienu nsterqu $24 miljun minn madwar id-dinja. F’Qorti, f’Kalifornja huwa wieġeb ħati u qed jaffaċċja sentenza sa 20 sena ħabs.