Lokali
11-il sena jistenna ġustizzja mill-Qrati ta’ Malta – sadanitant ħajtu wieqfa

Mason Nehls, żagħżugħ ta’ 27 sena li ilu ħdax-il sena ilu jistenna ġustizzja mill-Qorti għal reat li allegatament wettaq meta kien għadu minorenni. Ma’ Television Malta, Mason fetaħ qalbu dwar x’fissru għalih dawn l-aħħar ħdax-il sena, u kif minħabba l-istennija għall-ġustizzja qed jgħix fl-inċertezza, filwaqt li ma jistax jippjana għall-futur qabel ma jiskonta s-sentenza ta’ prigunerija li għadu ma jafx kemm ser tkun twila.

11-il sena ilu Mason Nehls, beda l-proċeduri fil-Qorti għal reat li allegatament wettaq meta kien għadu minorenni. Ma’ Television Malta Mason qal li għadu b’qalbu mtertqa b’sentenza ta’ ħabs imdendla fuq rasu, li taf tiskatta ħin bla waqt u taf iddum snin.

Mason Nehls mat-tfajla tiegħu Shirley

“Ma nħossx għalfejn kelli nbati ħdax-il sena u għadni nbati, għax dan ma intix qed tgħid li ħa tagħtini s-sentenza u ser jgħaddi kollox, jien kieku ħadt is-sentenza sentejn ilu, sitt snin ilu, forsi forsi għadda l-każ tiegħi.”

Mason qal li fl-aħħar snin għamel sforz kbir biex ikompli jiġġieled din is sitwazzjoni u anki beda jaħdem. Bl-għajnuna tat-tfajla tiegħu Shirley, qiegħed jipprova jiftaħ negozju, iżda minħabba l-inċertezza kawża tad-dewmien fil-Qrati, ma jista’ jippjana xejn.

“Sirna nafu li sa disa’ xhur oħra, issa jiġu sitt xhur oħra, jiena jaf jinqatli l-każ u ningħata d-data tal-ġuri tiegħi, dik hija xi ħaġa oħra li hija mwaqqfa ħabba l-każ. Jiġifieri jien kull pass li rrid nagħmel mhux ok għat-tfajla jew għal ta’ madwari jew għalija. Hux orrajt għal dan il-każ, għax jien ħajti ddur madwar dan il-każ.”

Waqt li qiegħed jistenna li l-qorti tiddeċiedi d-destin tiegħu, Mason iddeċieda li sadanittant jgħix ħajja normali u jgawdi kull ġurnata li għandu mat-tfajla u l-familja tiegħu.

“Jien l-aktar ħaġa li napprezza bħalissa u ili napprezzaha żmien twil, huwa li nqum fejn il-maħbuba tiegħi u qabel ma nitlaq għax-xogħol inbus iż-żewġ ta’ klieb li għandi. Dik hija l-iktar ħaġa importanti għalija bħalissa, anki li noħroġ u nara l-affarijiet għadejjin, tapprezza l-ħajja.”

It-tama ta’ Mason tibqa’ li wara li tinqata s-sentenza għal reat li allegatment wettaq, ikun jista’ jkompli jgħix il-ħajja li bena mat-tfajla u mal-familjari tiegħu, u jħalli din il-ħolma kerha warajh darba għal dejjem”.