Tradizzjonijiet
11-il siegħa biex taħsel u tagħżel is-suf ta’ nagħġa waħda – ilha 50 sena tinżel l-Għajn tal-Ħasselin

Illum, oġġett tixtrih f’radda ta’ salib. Dahri, ir-realtà kienet xort’oħra. Bosta affarijiet kienu jsiru bl-idejn b’paċenzja liema bħalha u dak li jkun bla ma jrid kien isib ruħu jmidd idejh u jitgħallem xi sengħa bil-għan li l-għadd ta’ tradizzjonijiet li jikkaratterizzaw lill-gżejjer Maltin jinżammu ħajjin. Liema tradizzjonijiet, frott il-kumditajiet bla qies li llum ngħixu fihom, aktar ma jmur aktar qed imajnaw.

B’xorti tajba, għalkemm tgħoddhom fuq subgħajk, fostna għad hawn min is-swieq ta’ barra u l-firxa wiesgħa ta’ prodotti li sar hawn ma xekkluhx milli jibqa’ jagħti l-ħajja ‘l xi tradizzjoni li għandna ma’ saqajna. Fosthom, Alda Bugeja li waqt il-programm ‘Kif isir’ stqarret li ilha 50 sena tinżel taħsel is-suf tan-nagħaġ u taħdmu l-Għajn tal-Ħasselin, ġewwa r-raħal tal-Fontana f’Għawdex.

Il-proċess tas-suf tan-nagħaġ jibda għall-aħħar tar-rebbiegħa meta r-raħħal iġiżż in-nagħaġ biex itaffilhom is-sħana tas-sajf. Liema suf, imbagħad jinħarġu minnu kull xorta ta’ prodotti fosthom kutri, xalel, twapet u ħwejjeġ.

Is-Sinjura Bugeja fost l-oħrajn spjegat li l-ġeżża tan-nagħġa taħsilha bl-ilma ġieri bil-għan li s-suf jibqa’ artab u biex iż-żejt naturali tiegħu ma jintremiex hekk kif aktar tard dan jgħinha tagħżel is-suf aktar malajr.

Fi ftit kliem, is-suf tgħoddsu fl-ilma, tiftħu b’subgħajha biex it-tiben u l-għalf li jkollu miegħu jinqala’, imbagħad tagħżlu bir-reqqa u taħdmu.

Mistoqsija xi kemm iddum qabel ma tibda taħdem is-suf tan-nagħaġ, is-Sinjura Bugeja qalet li għandha mat-tliet sigħat biex taħsel is-suf ta’ nagħġa waħda u tmien sigħat oħra biex tagħżlu.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Fl-aħħar sena u nofs li ilu miftuħ l-iskatepark ta’ Birżebbuġa, l-isport tal-BMX ħa spinta fost iż-żgħażagħ tal-lokal u dawk tal-madwar. Anki jekk l-iskatepark kien kemm-il darba sors ta’ kontroversja minħabba…

Internet

Mal-medda tas-snin il-qasam diġitali għamel passi ta’ ġgant. Bla dubju, biddel bil-bosta l-mod ta’ kif ilkoll ngħixu. Fost l-oħrajn, dak li jkun sar juża l-mezzi soċjali kif ukoll l-internet biex…

Kultura

Sal-lum ma kienx faċli li wieħed jikseb informazzjoni dwar l-antenati tiegħu li jmorru lura qabel l-1863 meta bdew jiġu rreġistrati kull twelid, żwieġ u mewt f’Malta u Għawdex. Ħafna minn…

Aktar