11-il vettura minn 5,700 rapport bl-SMS misjuba li jdaħħnu

Transport Malta qed tkompli tagħmel testijiet  fuq il-vetturi li jiġi rrapportati mill-pubbliku li jkunu qed idaħħnu żżejjed. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-pubbliku permezz tal-SMS irrapporta aktar minn 5,000 karozza iżda ssejħu għat-test inqas minn mija.

L-interess tal-pubbliku li ma jkunx hawn karrozzi li jdaħħnu hija evidenti mill-fatt li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-pubbliku bagħat 5,700 sms lil Trasport Malta biex jirrapporta karrozzi jdaħħnu.

Il-Perit Audrey Testaferrata Denoto minn Transport Malta spjegat li l-pubbliku għadu jista’ jirrapporta karozzi li jdaħħnu b’mod eċċessiv b’SMS. Qalet li kull SMS jidħol f’sistema kompjuterizzata.

Hija spjegat li meta jkollhom vettura li n-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha ikollha tliet rapporti fuqha fi żmien tliet xhur tiġi identifikata biex titla’ għal spezzjoni, fejn sid il-vettura jirċievi notifika d-dar biex itella’ l-vettura għal spezzjoni. Qalet li jekk il-vettura tgħaddi mit-test, jiġifieri l-emissions jilħqu l-livelli stabbiliti, il-proċess jieqaf hemmhekk.

Minn stħarriġ li għamel tvm.com.mt jirriżulta li mill-5,700 rapport li saru fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena,  97 karozza biss issejħu minn TM biex isir fuqhom test tal-emmissjonijiet u 11 biss minhom ma laħqux il-livell stabbilit meta ġew spezzjonati mit-tekniċi ta’ TM.

Madankollu kull sentejn, kull vettura trid tgħaddi mit-test tal-emissjonijiet bħala parti mit-test tal-vrt. Staqsejna lill-Perit Testaferrata Denoto x’jiġri meta karozza li tkun telgħet għat-test ma tgħaddix.

Hija wieġbet li tinħareġ multa u sid il-vettura jingħata appuntament ieħor biex jerġa’ jtellagħha biex tagħmel dan it-test u l-proċess jibqa’ għaddej l-istess sakemm il-vettura tgħaddi mit-test tal-emissions. F’każ li sid il-vettura tintbagħtlu notifika biex itella’ l-karozza għat-test u din ma titlax, sid il-vettura jingħata appuntament ieħor, u jekk fit-tieni appuntament ukoll ma jitlax għat-test, jinħarġu restrizzjonijiet fuq il-liċenzja tal-vettura.

Waqt li konna fil-post fil-Marsa fejn Transport Malta tagħmel dawn it-testijiet, l-uffiċjali spjegawlna li dawn ivarjaw minn karozza petrol u oħra diesel. L-ewwel pass li jagħmlu hu li jiċċekkjaw il-hoses u jaraw li m’hemmx żejt li niezel minnhom u mbagħad jaraw li m’hemmx evidenza ta’ tbagħbis fil-pompa. Wara dan imbagħad jaraw li s-sistema tal-exhaust ma fihiex ħsarat.

Imbagħad jibda t-test permezz tal-magni apposta. Dan isir biss ladarba l-karozza tkun laħqet it-temperatura minima ta’ 60 grad.

Joseph Azzopardi, Uffiċjal tal-Infurzar ta’ TM spjega li l-emission test ma jistax isir fuq magna kiesħa. Qal li hawn ħafna li jaħsbu li kif startja l-ġar iħalli daħna kbira warajh. Qal li dik mhix mod li tgħid li qed iddaħħan vettura u trid tilħaq il-working temperature u mbagħad tikkalkula.

Qal li kif din it-temperatura tintlaħaq, it-test ikompli billi l-magna titqabbad mal-exhaust pipe u l-magna tieħu l-kalkolu tal-emmissjonijiet tad-dħaħen. Fl-aħħar imbagħad tinħareġ karta mill-magna li tistabbilixxi jekk il-karozza għaddietx mit-test u għalhekk hi tajba għat-triq, jew le.