Barranin
11,000 xjentist jappoġġjaw riċerka li tgħid li d-dinja qed taffaċċja emerġenza fil-klima

Grupp internazzjonali ta’ madwar 11,000 xjentist qed jappoġġjaw riċerka li tgħid li d-dinja qed taffaċċja emerġenza fil-klima.

L-istudju, ibbażat fuq ġbir ta’ tagħrif fl-aħħar 40 sena, qal li l-gvernijiet qed ifallu milli jindirizzaw il-kriżi.

L-istudju kkwotat jgħid li mingħajr tibdil profond u miżuri fit-tul, l-umanita’ qed taffaċċja sofferenza. Ir-riċerkaturi qalu li huma għandhom l-obbligu li jwissu dwar it-theddid li qed ġġib magħha t-tibdil fil-klima.

Ippubblikat fl-istess jum li rriżulta li Ottubru ta’ din is-sena kien l-iktar Ottubru sħun, l-istudju l-ġdid jgħid li l-kejl tat-temperaturi mhix il-miżura ideali biex tagħraf il-perikli reali li qed taffaċċja d-dinja.

Ir-riċerkaturi ppubblikaw tagħrif li jista’ jirrappreżenta sinjali ċari tal-impatt tat-tibdil fil-klima. L-indikaturi jinkludu tkabbir fil-popolazzjoni tal-bnedmin u l-annimali, it-telf ta’ siġar, u l-konsum tal-fjuwil.