Kronaka
150 multa wara li nqabdu f’festini f’Pembroke u l-Mellieħa – wieħed iħebb għall-Pulizija

Fuq tliet iljieli nħarġu 150 multa lil persuni li nqabdu waqt festini illegali, fosthom 115 li nqabdu f’Pembroke, fejn wieħed mill-persuni ħebb għall-Pulizija.

Fi stqarrija ll-Pulizija qalet li għall-ħabta tat-3.00am tas-Sibt irċeviet rapporti dwar persuni jixorbu f’post imwarrab fuq il-blat, li huwa sit ta’ Natura 2000. Meta marret fuq il-post il-Pulizija sabet grupp kbr ta’ żgħażagħ li ppruvaw jaħarbu. Dakinhar inħarġu 80 ċitazzjoni fuq ilbies ta’ maskri u ammont ta’ persuni f’daqqa fil-pubbliku.

Imbagħad, għall-ħabta tas-2.00am tal-lum, il-Pulizija reġgħu marru fl-istess post, fejn għal darb’ oħra sabu ammont imdaqqas ta’ persuni jixorbu fuq il-blat, u ħarġulhom 35 ċitazzjoni.

Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jieħdu d-dettalji taż-żgħażagħ, ġuvni Franċiż ta’ 18-il sena, ħebb għal Kuntistabbli, bil-konsegwenza li qattgħalu l-qmis tas-servizz u ħarab minn fuq il-post.

Minnufih bdiet tfittxija għalih u ġie arrestat ftit wara. Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin. Il-kuntistabbli kien iċċertifikat li weġġa’ ħafif.

Sfrattat festin ieħor f’dar privata fil-Mellieħa

Intant, il-Ġimgħa filgħaxija, għal xi d-9.15pm, il-Pulizija mill-Għassa tal- Qawra, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, marru f’residenza privata fil-Mellieħa, wara rapport li hemm party. Xħin waslu fuq il-post bdiet tinstema l-mużika, waqt li l-pulizija nnutaw xi persuni fuq il-bejt.

Huma ġew ordnati biex jiftħu u malli daħlu ġewwa l-pulizija nnutat li kien hemm madwar 35 persuna.

B’dan il-każ ġiet infurmata l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, bil-Pulizija tassisti lill-uffiċjali tal-infurzar tagħha sabiex jinġabru d-dettalji ta’ dawk preżenti u jittieħdu l-azzjonijiet neċċessarji min- naħa tal-MTA dwar ksur tar-regolamenti b’rabta mal-COVID-19.

Ara wkoll:

Il-Pulizija tisfratta festin f’Pembroke bejn iktar minn 100 persuna