
Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar 119-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn 2,571 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru wkoll li 211-il persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, biex b’hekk it-total ta’ persuni li fiequ mill-virus minn meta faqqgħet il-pandemija tela’ għal 13.646 persuna.
Minn Marzu ’l hawn f’Malta nstabu 16,542 persuni pożittivi għall-Covid-19, li minnhom hemm 2,646 każ attiv.
L-awtoritajiet tas-saħħa ma taw l-ebda dettalji dwar l-oriġini tal-każijiet tal-bieraħ, filwaqt li ddikjaraw li b’kollox sal-bieraħ ngħataw 17,767 tilqima.
Fl-aħħar 24 siegħa tilfet ħajjitha mara ta’ 89 sena u raġel ta’ 77 sena waqt li kienu pożittivi għall-COVID-19. L-anzjana mietet fil-Good Samaritan Long Term Care Facility filwaqt li l-anzjan miet fl-Isptar Mater Dei.