Qorti
12-il sena ħabs għal Brażiljan li daħħal id-droga f’Malta marbuta ma’ saqajh

Brażiljan ta’ 41 sena kien ikkundannat 12-il sena u sitt xhur ħabs wara li ammetta, flok għadda ġuri, li daħħal id-droga f’pajjiżna.

Adalberto Alves Da Silva wasal Malta, fuq titjira minn Dubaj, fl-20 ta’ Jannar 2019 u kien imwaqqaf fl-ajruport mill-uffiċjali tad-Dwana u l-pulizija.

Huma sabulu diversi pakketti bid-droga marbutin u mwaħħlin mal-koxxa u mal-pexxul ta’ kull sieq.

B’kollox huwa kellu fuqu kilo u nofs kokaina b’purità ta’ 50% li kieku nbiegħet fit-triq kienet iġġib il-prezz ta’ bejn is-€27,000 u l-€120,000.

Da Silva kien mixli bil-pussess, l-importazzjoni u assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar.

Meta ġie biex jgħaddi ġuri huwa għażel li jammett bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tikkundannah 12-il sena u sitt xhur ħabs u multa ta’ €28,000 li tinbidel f’sena ħabs jekk ma jħallashix.