Immigrazzjoni
120 immigrant ieħor rilokati minn Malta lejn pajjiżi tal-UE

Kompla l-proċess ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti irregolari, bi grupp ieħor ta’ 120 ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-immigranti issa se jkomplu bit-talba tagħhom għall-ażil fil-pajjiżi li pparteċipaw fil-proċess ta’ rilokazzjoni.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ntqal li l-Ministru Byron Camilleri, waqt kunsill informali tal-Ministri Ewropej tal-Intern, tenna l-istrateġija tal-gvern Malti dwar l-immigrazzjoni u enfasizza l-bżonn ta’ iktar proċessi ta’ rilokazzjoni, flimkien ma appoġġ lill-pajjiżi ta’ oriġini.

Il-Ministru Camilleri qal li r-rilokazzjoni trid tkun parti mill-politika Ewropea tal-immigrazzjoni, fimkien ma’ iktar progress fuq id-dimensjoni esterna fid-dawl tar-ritorn u l-prevenzjoni tal-wasliet.

L-eżerċizzji ta’ rilokazzjoni kienu koordinati minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, u l-istess ministeri f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.