Sport
120 tifel u tifla qed jieħdu sehem f’taħriġ tal-futbol organizzat mill-klabb ta’ Juventus FC

120 tifel u tifla qed jieħdu sehem f’taħriġ tal-futbol organizzat mill-klabb Taljan ta’ Juventus FC. Din hi l-ewwel darba li r-rebbieħa tal-kampjonat Taljan qed jorganizzaw kamp ta’ taħriġ għat-tfal f’Malta.

Għal ħamest ijiem, 120 tifel u tifla f’Malta ngħataw l-opportunità li jagħmlu taħriġ intensiv fil-kamp ta’ taħriġ organizzat mill-akkademja tal-klabb Taljan tal-Juventus. Fl-ewwel okkażjoni li din l-akkademja tal-Juventus organizzat kamp ta’ taħriġ għat-tfal f’Malta, wieħed minn tliet coaches tal-akkademija, Nicolo’ Sarti, qal li l-għan ta’ dan kollu hu li tfal kollha madwar id-dinja jingħataw l-opportunità li jduqu ftit mit-taħriġ li t-tfal Taljani jkollhom f’Torino.

“Our main goal is to give the opportunity to all the kids all over the world to train like our Italian kids have the session in Turin. So our aim is to give them our values and to give them the Juventus way our philosophy, not only in the field but also outside with some respect, fairplay and every time fun during the session.”

Meta żorna t-taħriġ li kien mifrux fuq ħamest ijiem fil-grounds ta’ Luxol St Andrew’s, stajna ninnutaw lil dawn it-tfal jagħmlu t-taħriġ b’ċertu ħerqa u joqogħdu għall-pariri tal-coaches Taljani kif l-aħjar jużaw il-ħiliet tagħhom tal-futbol.

Il-coaches Taljani qalu li l-Akkademja tal-Juventus tiffoka fuq l-istil tal-logħob, il-ħila teknika u t-tattika, iżda wkoll il-fattur tal-emozzjonijiet, fosthom li l-players jissaħħu b’sens ta’ sagrifiċċju, kuraġġ u kollaborazzjoni bejniethom stess. Il-120 tifel u tifla kienu mqassmin f’gruppi żgħar għal attenzjoni individwali.