COVID-19
121 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 55 oħra mfejqa

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa 121 persuna f’Malta ħarġu pożittivi għall-Covid-19 minn fost 2,685 swab test.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret wkoll li 55 min-nies oħra ġew iddikjarati li fiequ mill-virus. Minn meta faqqgħet il-pandemija fiequ 3,439 persuna.

Minn Marzu ’l hawn f’Malta nstabu 5,258 persuna pożittivi għall-Covid-19, li minnhom hemm 1,770 każ attiv.

B’kollox s’issa mietu 49 persuna, fosthom erba’ persuni fl-aħħar ġimgħa.

Il-medja ta’ każijiet fl-aħħar ġimgħa kienet ta’ 140 każ, li Prof. Gauci fissret bħala għolja, waqt li l-età medja ta’ dawk pożittivi niżlet għal 38 sena minħabba li l-aktar infettati fl-aħħar sebat ijiem kienu persuni ta’ bejn il-25 u l-34 sena.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-virus issa infirex sew fil-komunitá u jeħtieġ attenzjoni kbira għall-miżuri ta’ prevenzjoni bħall-użu tal-maskri fosthom fuq il-post tax-xogħol.

Prof. Gauci qalet li mill-1770 każ attiv, 12-il persuna jinsabu fl-ITU, ħamsa fis-sala tal-mard infettiv (IDU), 22 persuna fi swali oħrajn f’Mater Dei li huma mgħammra għall-COVID-19, 25 persuna qed jingħataw il-kura fl-Isptar Boffa, 16-il persuna fl-Isptar St Thomas u żewġ persuni f’Karen Grech u Mount Carmel. Spjegat li f’Għawdex hemm 44 persuna pożittivi bil-virus.

Mistoqsija minn TVM dwar jekk inbidlitx id-direzzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa fir-rigward tal-kwarantina mandatorja meta jkun hemm każ pożittiv fuq il-postijiet tax-xogħol, hija spjegat li qed janalizzaw is-sitwazzjoni każ b’każ u fejn hu possibli jibqa’ jkun hemm kontinwità.

48 persuna pożittivi għall-Covid-19 inqabdu jiksru l-kwarantina ta’ iżolazzjoni

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li bħalissa hawn 3,327 persuna fi kwarantina. Mindu bdiet il-pandemija saru 66,224 spezzjoni fost dawk li kellhom joqogħdu fi kwarantina, li minnhom instabu 48 li kisru l-kwarantina ta’ iżolazzjoni għax kienu pożittivi u ngħataw 202 ċitazzjoni lil persuni li kienu fi kwarantina għax kienu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv jew ġew minn pajjiż li jinsab fuq il-lista l-ħamra.

Sadanittant tista’ ssegwi l-aġġornament mis-Supretendent tas-Saħħa: