Lokali
121,311-il turist jżuru Malta f’Lulju – jonfqu €126.5 miljun

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul Lulju li għadda żaru Malta aktar minn 121 elf turist, żieda ta’ aktar minn 72 elf meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

L-NSO qal li kważi 106,000 turist żaru Malta għal btala u ftit aktar minn 5,000 ruħ żaru Malta għal skop ta’ negozju.  L-ikbar swieq li minnhom ġew l-aktar turisti kienu dawk Franċiżi u Taljani li bejniethom ammontaw għal kważi tletin fil-mija.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li matul Lulju t-turisti ħalles €126.5 miljun fil-bwiet tal-Matltin waqt li ras għal ras, it-turisti nefqu medja ta’ madwar €113 għal kull lejl.

L-NSO żied jgħid li matul l-ewwel seba’ xhur tas-sena li wkoll kienu kkaraterizzati minn bosta restrizzjonijiet mal-ivvjaġġar minħabba l-pandemija, ġew Malta total ta’ 260,998 turist, tnaqqis ta’ 37.7% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Huma qattgħu madwar 2.6 miljun lejl fostna, tnaqqis ta’ 5.6% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020.

Bejniethom nefqu €246.9 miljun, tnaqqis ta’ 4.5% fuq is-sena preċedenti, madankollu ras għal ras in-nefqa żdiedet minn €617 għal €946 minħabba li qattgħu aktar jiem f’pajjiżna.