Lokali
AĠĠORNAT: 150 mmultati wara li kisru r-regoli tal-COVID fil-Ħamrun – l-organizzaturi mmultati wkoll

Il-Pulizija flimkien mal-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika ħarġu 150 ċitazzjoni fil-konfront ta’ persuni li l-Ħamis filgħaxija ma kinux qed josservaw ir-regolamenti tal-COVID waqt ċelebrazzjonijiet li saru fil-Ħamrun. Dan wara li t-tim ta’ Ħamrun Spartans ġie inkurunat champions tal-futbol Malti għat-tmien darba fl-istorja tagħhom.

Bi tweġiba għal sensiela ta’ domandi minn tvm.com.mt, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li l-Pulizija u l-Ispettorat ta’ Saħħa Pubblika ħadu passi b’rabta mal-ksur ta’ regoli tal-COVID inkluż kontra l-orgranizzaturi u stabbilimenti fil-Ħamrun.

“L-organizzaturi kienu mmultati u ttieħdu passi fil-konfront ta’ stabbilimenti li ma kinux qed josservaw ir-regoli”, qalet il-kelliema.

Aktar kmieni kelliem għall-Pulizija qal lil tvm.com.mt li l-uffiċjali tagħha kienu għadhom qed jinvestigaw filmati li jistgħu jwasslu biex jiġu identifikati aktar persuni li kisru r-regolament tal-COVID-19 u jiġu mħarrka.

Bil-miżuri attwali persuna ma tistax tkun f’ġemgħa ta’ aktar minn sitt persuni u l-persuna għandu jilbes il-maskra jekk ikun fi grupp ta’ aktar minn żewġ persuni.

Ħamrun Spartans ilbieraħ ġew inkurunati uffiċjalment champions tal-futbol Malti f’serata speċjali fl-Istadium Victor Tedesco li rat lill-klabb ippreżentat bit-Tazza tal-Kampjonat BOV Premier għall-istaġun 2020/21.

Il-partitarji ma setgħux jattendu madankollu l-għoti tat-tazza wassal biex kienu bosta li nġabru fil-Ħamrun biex jiċċelebraw ir-rebħ ta’ dan il-kampjonat.