Kultura
13-il kwadru jinġiebu mill-Italja biex jiġu esebiti fil-MUŻA

Heritage Malta b’wirja ta’ kalibru nternazzjonali fil-MUŻA wara li rnexxielha tagħmel ftehim biex takkwista b’self 13-il kwadru attribwiti għal artisti kbar dinjin, dawk rinaxximentali bl-influwenza ta’ Raffaello, Michelangelo u Leonardo da Vinci kif ukoll dawk mill-istil Barokk u Rokoko influwenzati minn Giovanni Baglione, Claude -Joseph Vernet u Francois Boucher.

Il-kwadri kienu maħżuna għand kollezzjonista privat f’Genova fl-Italja u ġew fdati biex mhux biss jittellgħu għal wirja unika fil-MUŻA sal-aħħar t’Ottubru iżda Heritage Malta rnexxielha tikseb il-kwadri b’self għal wirja permanenti għall-ħames snin li ġejjin b’possibiltà li l-ftehim jiġi estiż għal 10 snin.

Il-kuratur anzjan ta’ Heritage Malta, Kenneth Cassar, qal li l-attribuzzjonijiet fil-wirja ġew ibbażati fuq ir-rapporti tekniċi u xjentifiċi li għamlu diversi esperit u professjonisti indipendenti mqabbda mill-kollezzjonist u sid l-opri.

Huwa qal li l-wirja se tagħti opportunità lil kull min se japprezzahom biex jifhem kunċetti bażiċi bħall-attribuzzjonijiet, kompożizzjoni, linja, kulur, dawl u simoboliżmu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-wirja kellha ssir is-sena li għaddiet iżda ġiet sfrattata minħabba l-pandemija u issa li Heritage Malta rnexxielha ġġibha Malta u bla ebda ħlas se toffri opportunità ta’ valur għoli kemm għall-poplu u anke għat-turisti.

“Din hija l-ewwel darba fl-istorja tagħna li għandna pitturi ta’ dan il-kalibru, ta’ artisti attribwiti għal Raffaello, Rubens u oħrajn, dan ifisser li Heritage Malta laħqet il-missjoni ta’ aċċessibiltà”.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li dawn il-wirjiet se jkomplu jgħollu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li minnhom mhux biss se jgawdi t-turiżmu iżda wkoll il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Huwa qal li Heritage Malta qed twettaq il-missjoni tagħha, li tkompli tkabbar lir-reputazzjoni ta’ Malta u u li tattira iktar turisti kulturali lejn pajjiżna.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li l-arti toffri lin-nies possibilitajiet ġodda u għalhekk arti ta’ kalibru tant għoli issa se tkun qrib iktar lejn il-poplu Malti u Għawdxi u flok baqgħet imsakkra kif kienet dawn il-kwadri issa huma aċċessibbli għal kulħadd.

Il-wirja fil-MUŻA qed toffri wkoll esperjenza unika għaliex il-maġġoranza tal-kapolavuri artistiċi qatt ma ġew esibiti.

Għal kull kwadru hemm ukoll esperjenza awdjo viżiva li tagħti informazzjoni fuq kull kwadru u l-attribuzzjonijiet tiegħu.

Minbarra li se tkun esibita sal-aħħar ta’ Ottubru, il-wirja hija wkoll aċċessibbli virtwalment fuq is-sit uffiċjali tal-mużew nazzjonali, il-MUŻA.