Lokali
130 charging pillar ġdid għal sidien ta’ karozzi elettriċi sal-aħħar tas-sena

Sal-aħħar tas-sena, is-sidien ta’ vetturi elettriċi se jkollhom iktar charging pillars ma’ fejn jiċċarġjaw il-karozzi tagħhom fil-pubbliku. Il-Ministeru għall-Enerġija qed jimpenja ruħu li jitwaħħlu 130 charging pillar ġodda mal-erbat irjieħ tal-gżejjer Maltin. Ir-rati għal kull unit se jvarjaw bejn 17 u 20 ċenteżmu, skont it-tip ta’ charger u l-ħin tal-ġurnata meta se jkunu qed jintużaw mis-sidien tal-vetturi elettriċi. Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern irid jinċentiva l-użu ta’ vetturi elettriċi billi offra rati li huma fost l-irħas fl-Unjoni Ewropea.

Sal-aħħar tas-sena se jitwaħħlu 130 charging pillars ġodda f’postijiet pubbliċi għas-sidien ta’ vetturi elettriċi. Minnhom, 22 kapaċi jiċċarġjaw il-vetturi elettriċi f’inqas minn tliet kwarti. Il-bqija taċ-charging pillars jieħdu bejn sitta u disa’ sigħat biex jiċċarġjaw il-batteriji tal-vetturi. It-tariffi jvarjaw f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

Is-sidien tal-vetturi se jkunu mgħarrfa b’messaġġ fuq il-mowbajl li l-karozza tagħhom iċċarġjat. Iċ-charging pillars qed jiġu installati b’investiment ta’ €3 miljun f’70 lokalità madwar il-pajjiż anke f’Għawdex. B’dan l-investiment, iċ-charging pillars f’Malta se jitilgħu għal 186. Hu stmat li f’Malta hawn 3,300 karozza li taħdem bl-elettriku.

L-Inġinier Abigail Cutajar qalet li maċ-charging pillars il-ġodda, jistgħu jiġu ċċarġjati żewġ karozzi fl-istess ħin u b’hekk is-sidien jistgħu jiċċarġjaw il-karozzi tagħhom b’iktar kumdità.

“Is-sistema hi mgħammra b’żewġ tipi ta’ pilastri li huma l-medium u l-fast chargers. ll-fast chargers huma l-ewwel teknoloġija li qegħdin inwasslu fil-gżejjer tagħna.”

Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, spjegat li bħala medja s-sidien ta’ vetturi elettriċi jiffrankaw iktar minn €15 fil-ġimgħa meta mqabbla ma’ sidien ta’ vetturi li jaħdmu bil-fjuwil. Il-Ministru Dalli qalet li r-rati għaċ-charging pillas pubbliċi huma fost l-irħas fl-Unjoni Ewropea.

“Warakollox irridu ninċentivaw lin-nies biex imorru għal karozzi li ma jniġġsux fit-toroq u rridu nagħmluhielhom iktar faċli u dak ifisser iktar aċċessibbilità u tariffi affordabbli għalihom.”

Il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qalu li l-Gvern impenjat li jagħmel il-qalba għal vetturi elettriċi fosthom anke fil-flotta tal-karozzi tal-linja. Spjegaw li l-pjan hu, li sa disa’ snin oħra l-karozzi tal-linja kollha jaħdmu bl-elettriku fosthom anki f’fondi Ewropej. F’Malta, l-operatur tat-trasport pubbliku għandu iktar minn 400 karozza tal-linja.