COVID-19
14-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 7 oħra mfejqa

Illum kienu kkonfermati 14-il persuna ġodda li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19, wara li lbieraħ saru 1,321 test.

Fil-bullettin mediku tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li 7 oħra huma ddikjarati mfejqa, biex b’hekk l-ammont ta’ persuni mfejqa s’issa huwa ta’ 443.

It-total ta’ każijiet pożittivi f’Malta issa huwa ta’  522 total, li minnhom 73 għadhom attivi.

Fost il-każi ġodda hemm healthcare worker ta’ 58 sena li jaħdem f’San Vinċenz de Paul u fit-12 ta’ Mejju beda jħoss sintomi ta’ għejja, sogħla u mnieħru jqattar. Qed isir contact tracing tal-pazjenti u tal-istaff.

Healthcare worker ieħor, raġel Malti ta’ 28 sena fl-ENT ward fl-Isptar Mater Dei ukoll irriżulta pożittiv għall-Covid-19. Hu kellu kuntatt ma’ każ ieħor pożittiv u kien diġà fi kwarantina. Beda bis-sintomi ta’ uġigħ ta’ ras, sogħla u dijarea fl-10 ta’ Mejju u ħadem l-aħħar fit-8 ta’ Mejju.

Healtcare worker oħra, mara Maltija ta’ 49 sena żviluppat sintomi ta’ sogħla, uġigħ fil-muskoli, deni u għejja fit-12 ta’ Mejju, meta kienet diġà fi kwarantina, wara li kienet f’kuntatt ma’ healthcare worker ieħor li rriżulta pożittiv, fl-istess sala. Ir-raba’ healthcare worker li rriżulta pożittiv huwa raġel ta’ 38 sena li beda juri sintomi fit-13 ta’ Mejju ta’ sogħla u mnieħru jqattar.

Mara Maltija ta’ 37 sena kellha kuntatt ma’ każ ta’ healthcare worker li rriżulta pożittiv għall-Covid-19 fil-ġranet li għaddew. Hi kienet diġà kwarantina meta bdiet tħoss sintomi ta’ uġigħ ta’ ras fit-13 ta’ Mejju u nstab li għandha l-virus hi wkoll.

Raġel Sudaniż ta’ 23 sena li qed jiġi rikoverat fl-Isptar Karin Grech, instab li għandu l-Covid-19 permezz ta’ testing għall-għarrieda. Huwa ma kellux sintomi. Anzjan ta’ 84 sena li ukoll kien rikoverat fl-Isptar Karin Grech ukoll ma kellux sintomi u rriżulta pożittiv għal coronavirus.

Is-seba’ każi l-oħra ġew mill-komunità u l-awtoritajiet ma kellhom l-ebda kuntatt magħhom.

Dawn huma żewġ każijiet li ħarġu pożittivi wara li marru l-emerġenza għal affarijiet oħra u sarilhom test ta’ prekawzjoni. Dawn huma raġel Taljan ta’ 44 sena u mara Maltija ta’ 32 sena. Huma ma kellhomx sintomi ta’ Covid-19.

Raġel Malti ta’ 33 sena li xtaq jagħmel it-test, ukoll ma kellux sintomi u rriżulta pożittiv. Qed isir risk assessment fil-post tax-xogħol fejn jaħdem u tal-familja tiegħu. Raġel vulnerabbli ta’ 31 sena ukoll ma kellux sintomi u rriżulta pożittiv għall-Covid-19 u issa qed jinżamm għall-osservazzjoni f’isptar Mater Dei.

It-tliet każijiet l-oħra kellhom is-sintomi. Raġel Malti ta’ 27 sena ukoll kellu dijarea u rriżulta pożittiv għall-Covid-19. Hu kien qed jaħdem mid-dar u qed isir contact tracing tal-familja tiegħu. Raġel ieħor ta’ 54 sena li beda jħoss sintomi ta’ deni, dijarea uġigħ ta’ żaqq fil-11 ta’ Mejju. Fuq dan il-każ l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu contact tracing tal-familja u ta’ fejn kien jaħdem. Mara mill-Maċedonja ta’ 27 sena li bdiet tħoss sintomi ta’ uġigħ ta’ ras, dijarea, dardir u uġigħ fil-muskoli fid-9 ta’ Mejju. Hi ma kinetx qed taħdem.

Il-Professur Gauci qalet li hemm żewġ pazjenti qed jinżammu fl-isptar Boffa, erbgħa oħra fl-isptar St Thomas, wieħed qed jinżamm fl-isptar Mater Dei u tlieta fl-isptar Karin Grech.

Segwi hawn il-konferenza:

Ara wkoll:

Dawk li fiequ mill-Covid-19 f’Malta qed jgħinu fl-istudji għal trattament

Aħbarijiet Oħra
Safar

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta qalet li qed tipprepara għall-mod ġdid ta’ vjaġġar u avżat li mill-1 ta’ Ġunju 2020 il-passiġġieri jridu bilfors jilbsu maskra…

Trasport

Ħafna mis-servizzi ta’ trasport bl-ajru u l-baħar waqfu jew naqqsu sew mill-frekwenza. Mhux l-istess jista’ jingħad għat-trasport pubbliku li bħala servizz essenzjali baqa’ għaddej b’mod regolari anke tul il-perjodu tal-pandemija….

COVID-19

Il-pandemija ħarbtet il-pjani ta’ ħafna koppji li kellhom jiżżewġu f’dan il-perjodu ferm imfittex tas-sena u spiċċaw kellhom jipposponu ż-żwieġ tagħhom. Skont ċifri ta’ Identity Malta fl-aħħar xahrejn u nofs aktar…

COVID-19

Baqgħu isiru l-ispezzjonijiet biex ikun assigurat li l-pubbliku qed jobdi l-avviżi legali ntiżi biex irażżnu l-imxija tal-coronavirus. Fl-aħħar 24 siegħa nstabu seba’ persuni f’ġemgħat t’aktar minn 6 persuni f’postijiet pubbliċi skont…

Aktar