COVID-19
14-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta

Il-każi ta’ Coronavirus f’Malta issa jlaħħqu l-227 wara li fl-aħħar aġġornament mill-awtoritajiet tas-saħħa, ġew konfermati 14-il każ ġdid li kollha ġew trażmessi lokalment.

Fl-aħħar bulettin mediku, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li l-qagħda klinika tagħhom hija tajba. Il-Professur Gauci qalet li lbieraħ saru 656 swabs biex issa b’kollox saru 10,358 test.

Il-Professur Gauci qalet li mill-14-il każ hemm 11-il raġel u tliet nisa, fosthom l-aktar persuna anzjana fost il-każi kollha s’issa li għandha 86 sena u li ġiet deskritta li tinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb ħafna. Il-każ l-oħra huma ta’ persuni li għandhom bejn il-15 u s-70 sena.

Il-Professur Gauci għalkemm ma tatx dettalji dwar il-provinjenza tal-każi l-ġodda indikat li nstabu każi oħra fl-open centre wara ż-żewġ każi rappurtati fl-aħħar jumejn.

“Kellna każijiet oħra li ġejjin mill-open centre u bħalissa qed nagħmlu risk assessment dwar min kienu dawn il-pazjenti u anke kemm kellhom kuntatt bejniethom … aħna nimxu fuq il-kwaranitna, dawk in-nies li jkollhom kuntatt ma’ persuni oħra, nagħmlu risk assessment tagħna biex in-nies li jkunu f’kuntatt inpoġġuhom fi kwarantina.”

Gepostet von Television Malta am Sonntag, 5. April 2020

Il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadmu fuq kampanja t’għarfien anke fl-open cenres biex tiġi ikkontrollata l-imxija tal-virus.

“Ħdmina ma’ diversi NGOs kif nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna aħjar lill-persuni li ma jitkellmux bil-Malti u anke nadattaw skont il-kulturi ta’ dawn il-persuni u anke kif kontu qed tawraw – il-fatt li jiġu ‘l quddiem dawn il-persuni meta jkollhom sintomi huwa messaġġ li qed naslu però qed inkomplu bil-ħidma tagħna biex inkunu żguri li naslu mal-persuni kollha tal-etajiet kollha ta’ kwalunkwe nazzjonalità u kwalunkwe kultura.”

Dwar persuni vulnerabbli li rċevew l-ittra biex jibqgħu fi kwarantina preventiva, il-Professur Gauci qalet li l-ittra hija biżżejjed biex tintwera lil min iħaddimhom ħalli jkunu eżenti mix-xogħol bil-leave tal-kwanrantina.

Il-Professur Gauci qalet li għadu kmieni biex wieħed jistabilixxi meta l-imxija tal-coronavirus f’Malta se tilħaq l-qofol tagħha biex ir-restrizzjonijiet jibdew jitneħħew.

“Ma tistax tgħid eżattament meta ser nilħqu l-peak. Huwa biss meta tara n-numru ta’ każijiet jinżlu bil-mod il-mod u tara li jkun hemm sustained decrease jiġifieri li l-każijiet dejjem jonqsu, il-maġġorparti tal-każijiet bħala peak tibda tonqos”.

Hija qalet li s’issa in-numru ta’ infezzjonijiet għadu tielgħa u appellat biex kulħadd jisma’ l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jibqa’ ġewwa kemm jista’ jkun.

Il-Professur Gauci qalet li hemm erba’ pazjenti fl-isptar Mater Dei, 20 pazjent fi sptar privat, tmien pazjenti fl-Isptar Boffa u pazjent ieħor fl-Isptar Monte Carmeli.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għandha 19-il sena u ma’ TVM irrakkuntat it-trawma kbira li għaddiet minnha minħabba dak li sejħet estremiżmu fit-twemmin ta’ komunità Nisranija. Amy Attard tirrakkonta kif minħabba hekk qed jitkissru għadd…

Riċerka

Il-lenti tal-kamera provdiet għodda lill-fotografi matul is-snin, biex bir-ritratti tagħhom iħallu xhieda tal-passaġġ tal-istorja. Il-fotografu professjonali Kevin Casha ġabar riċerka fuq kważi mitejn sena ta’ fotografija f’pubblikazzjoni li fiha ritratti…

Ippjanar u bini

Proġett li jekk ikun approvat mistenni jbiddel il-kunċett tat-trasport u l-presenza tal-vetturi fit-toroq. Studju dwar il-possibbiltà ta’ proġett ta’ Metro jew Monorail mistenni jkun ippublikat dalwaqt bil-Prim Ministru Robert Abela…

Aktar