Lokali
13 akkużati b’rabta ma’ inċident fil-Wasteserv li fih ħaddiem tilef saqajh

Il-Pulizija ressqet quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud 11-il uffiċjal tal-Wasteserv u tnejn tal-JF Services Limited dwar inċident li seħħ erba’ snin ilu u li fih ħaddiem Taljan spiċċa tilef saqajh it-tnejn.

L-inċident kien seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2017 ġewwa l-impjant tal-Wasteserv fix-Xewkija, Għawdex.

Il-vittma, ta’ 50 sena, kien qed jagħmel xogħol fuq makkinarju meta nqabad fih u sofra ġrieħi gravi tant li kellhom jinqatgħulu saqajh.

Huwa ntbagħat Malta mill-kumpanija li jaħdem magħha u li mmanifatturat il-makkinarju.

Id-diretturi tal-Wasteserv huma Vincent Bonello, David Borg, Iris Camilleri Mifsud, Frederick Cutajar, Emanuel Magri, Michael Sant, Antonio Montebello, Charlon Buttigieg, Kirsty Zarb, Stefan Carmel Sultana u Andrea Brincat.

L-irwol ta’ dawn l-impjegati kien ivarja minn diretturi, managers fl-impjant, ‘safety offices’ u inġinieri.

Iż-żewġ impjegati tal-kumpanija JF Services Limited huma Matthew u Peter Formosa.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Charles Bernard Spiteri.

L-avukati li qed jidhru għall-akkużati huma Stephen Tonna Lowell, Stefano Filletti, Nicole Galea, Arthur Azzopardi, Gavin Gulia, Charlon Gouder, Matthew Paris, Nathalino Debrincat u Alex Scerri Herrera.