COVID-19
15-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 5 oħra mfejqa

Illum ġew ikkonfermati 15-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 1,670 swab. Dan wara li lbieraħ kienu kkonfermati 11-il persuna oħra.

Fil-bulettin mediku tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci qalet li hemm 5 persuni oħra li huma mfejqa mill-virus. Ilbieraħ kienu ddikjarati mfejqa 4 oħra.

B’kollox s’issa hemm 113-il każ attiv ta’ Coronavirus f’Malta, waqt li t-total ta’ persuni pożittivi għall-virus f’Malta kien ta’ 584, li minnhom 465 huma mfejqa.

10 minn 26 każ kellhom is-sintomi

Għaxra mis-26 każ pożittiv li rriżultaw it-Tnejn u t-Tlieta, kellhom is-sintomi fosthom żewġt itfal ta’ sentejn – tifel minnhom kellu dijarea fid-19 ta’ Mejju u t-tifel l-ieħor kellu d-deni fit-18 ta’ Mejju.

Student Malti ta’ 15-il sena kellu griżmejh juġawh fil-15 ta’ Mejju u mara Maltija ta’ 22 sena kellha uġigħ ta’ ras, dijarea u qtugħ ta’ nifs fil-15 ta’ Mejju. Il-mara ħadmet l-aħħar fit-8 ta’ Mejju. F’dawn il-każijiet għaddej contact tracing mal-membri tal-familja.

Fost il-każi bis-sintomi hemm ukoll raġel Malti ta’ 33 sena li fis-17 ta’ Mejju kellu d-deni, għejja, dijarea, qtugħ ta’ nifs, uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-muskoli. Hu kien jaħdem waħdu fl-uffiċċju. Mara Maltija ta’ 59 sena fit-12 ta’ Mejju kellha dijarea u uġigħ ta’ ras. F’dawn iż-żewġ każijiet l-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing tal-membri tal-familja.

Raġel Malti ta’ 67 sena u ieħor Malti ta’ 72 sena kellhom sintomi fis-17 ta’ Mejju, wieħed uġigħ ta’ ras u l-ieħor dijarea. Dawn ma jaħdmu u għaddej contact tracing tal-membri tal-familji tagħhom.

Raġel  Għawdxi ta’ 56 sena beda bis-sogħla fil-15 ta’ Mejju. Dan huwa ħaddiem tas-saħħa fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex u għalhekk l-awtoritajiet tas-saħħa għaddejjin bil-contact tracing tal-pazjenti u tal-kollegi.

Ħamsa minn 26 każ kellhom kuntatt ma’ xi ħadd li diġà rriżulta pożittiv għall-Covid-19

Il-Professur Gauci qalet li ħames persuni mill-każijiet il-ġodda kienu kuntatti ta’ każijiet li l-awtoritajiet kienu jafu bihom.

Dawn huma żewġ healthcare workers nisa, waħda taħdem f’sala fl-isptar Mater Dei u l-oħra fl-isptar Karin Grech. It-tnejn kienu diġà fi kwarantina. Waħda minnhom kellha nuqqas ta’ tomgħa u mneħira jqattar fis-16 ta’ Mejju  u l-oħra, Indjana ta’ 27 sena kellha uġigħ ta’ ras, fil-muskoli u għejja fit-12 ta’ Mejju.

Raġel ta’ 68 sena kien pazjent f’sala fejn diġà kien hemm numru ta’ każijiet. Il-Professur Gauci qalet li dan m’għandux sintomi tal-Covid-19 iżda qed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit tal-Isptar Mater Dei. Raġel ieħor ta’ 30 sena beda bis-sogħla, nuqqas ta’ togħma u nuqqas ta’ xamm fis-17 ta’ Mejju u raġel ieħor ta’ 35 sena ma kellux sintomi. Huma kienu fi kwarantina għax wieħed kien kuntatt ta’ membru tal-familja u l-ieħor kien kuntatt ta’ kollega fuq il-post tax-xogħol.

11-il każ ma kellhomx sintomi tal-Covid-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-bqija tal-każijiet ma kellhomx sintomi.

Erbgħa minn dawn il-każijiet huma ħaddiema tas-saħħa li nqabdu mill-proċess ta’ screening. Dawn huma mara Pakistana ta’ 30 sena li taħdem f’Mater Dei, mara Filippina ta’ 29 sena li ukoll taħdem f’Mater Dei, mara ta’ 24 sena li taħdem fl-isptar Karin Grech u raġel ta’ 26 sena li jaħdem f’dar tal-anzjani. Dwar dan il-każ tal-aħħar, l-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing kemm tal-kollegi kif ukoll tar-residenti f’din ir-residenza għall-anzjani.

Raġel ieħor nstab pożittiv minkejja li ma kellux sintomi. Hu ħadem l-aħħar fit-12 ta’ Mejju u mara Filippina ta’ 26 sena li taħdem f’ħanut ukoll ħarġet pożittiv. Il-Professur Gauci qalet li għax kienet tilbes il-maskra, iċ-ċans li għaddiet il-virus lil oħrajn huwa minimu.

Tliet irġiel Maltin, wieħed ta’ 27 sena, ieħor ta’ 34 sena u ieħor ta’ 24 sena marru jagħmlu t-test minn jeddhom u rriżultaw pożittivi.

Żewġ każijiet oħra nstabu pożittivi wara li marru l-isptar għal kundizzjonijiet oħra u sarilhom test ta’ rutina u ħareġ li għandhom il-virus. Dawn huma mara ta’ 63 sena u żagħżugħ ta’ 19-il sena.

Segwi l-konferenza hawn:

Gepostet von Television Malta am Mittwoch, 20. Mai 2020

Ara wkoll:

Malta għadha fi stat ta’ emerġenza?

Il-mikrobu tal-Leġjonella perikoluż jekk tieħdu man-nifs

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Wasal qrib tmiemu proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ tmien toroq fiż-żona tad-DIB fil-Mosta. Il-Ministru Ian Borg qal li Infrastuttura Malta li wettqet il-proġett, issa se tibda x-xogħol fuq ħdax -il…

Lokali

Il-Gvern alloka iktar minn €17-il miljun biex jassisti 44 NGO u għaqdiet volontarji. Dan intqal mill-Ministru għall-Familja Michael Falzon waqt li ġedded il-ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Dar San Ġużepp li tieħu…

Kronaka

Raġel ġie arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar u abbuż tad-droga f’residenza, f’Birkirkara. Dan wara investigazzjoni oħra mmexxija mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra Drogi flimkien mas-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fil-post…

Solidarjetà

Il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ma kellhomx biżżejjed kliem ta’ tifħir għall-voluntiera li offrew 10,000 siegħa…

Aktar