
Ikomplu jiżdiedu l-każi ta’ persuni morda bil-coronavirus f’Malta, bl-awtoritajiet tas-saħħa jirrappurtaw 15-il każ ġdid. Dawn ġew identifikati minn fost 1,418-il swab test li saru bejn is-sitta tal-bieraħ filgħodu u nofs il-lejl li għadda.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet ġodda ma marrux għax-xogħol meta kellhom is-sintomi.
Qalu li erbgħa mill-każijiet huma b’rabta mal-festa ta’ Santa Venera u tnejn huma mpurtati. Tnejn oħra huma minn grupp li mar Paceville u l-bqija m’għandhomx rabta ma’ każijiet magħrufa.
Żiedu li għadu għaddej il-contact tracing.
Issa l-ammont ta’ każijiet li ġew irreġistrati f’Malta mill-bidu tal-pandemija huwa ta’ 860 li minnhom 185 għadhom attivi.
F’dawn l-erbgħa u għoxrin siegħa kien hemm persuna waħda li fieqet mill-virus u għalhekk l-ammont ta’ nies f’Malta li rkupraw mill-Covid-19 minn Marzu ‘l hawn issa huwa ta’ 666.