15-il xahar ħabs wara li darab serjament lil martu għax jgħir għaliha

Immigrant mill-Afrika ta’ Fuq intbagħat 15-il xahar ħabs u mmultatat €500 wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi serji fuq martu wara li aggrediha minħabba l-għira li kellu għaliha.

Il-każ seħħ fl-14 ta’ Jannar li għadda fi Triq San Luqa f’San Pawl il-Baħar. Mongbet Ousseri ammetta l-akkużi li nġiebu kontrih fosthom li darab serjament u li hedded verbalment lil Theresa Anisa Menga.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri qalet li l-mara kienet lesta li tixhed kontra s-sieħeb tagħha u li ma kinitx lesta li taħfirlu. Qalet li dan kien każ ta’ vjolenza domestika fejn ir-raġel aggredixxa lil martu minħabba l-għira li kellu għaliha.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, id-difiża qalet li r-raġel kien qiegħed jagħmel apoloġija pubblika u li l-akkużat diġà ħa tagħlima għax spiċċa tilef kollox lil martu, ix-xogħol, il-post fejn kien jgħix u fuq kollox lil bintu.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu 15-il xahar ħabs u multa ta’ €500. Il-Qorti ordnat ukoll li r-raġel ma jersaqx lejn martu għal tliet snin.

Aħbarijiet Oħra
Eurovision

Eliana Gomez Blanco se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2019 li se ssir fil-Polonja fl-24 ta’ Novembru. Fit-tieni u t-tielet post ikklasifikaw Leah Cauchi u Martina Cutajar rispettivament….

Statistika

Minkejja ż-żieda fit-traffiku, ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fit-tieni kwart tas-sena bejn April u Ġunju kien hemm tnaqqis żgħir fl-inċidenti tat-traffiku u fil-korrimenti fihom. Iċ-ċifri juru li f’dawn…

Annimali

Dalgħodu kull min kien qed igawdi ġurnata baħar fl-Għadira ħa sorpriża ħelwa hekk kif niżel jgħum man-nies fjammingu. Skont il-BirdLife, il-fjammingi żgħar, għalkemm ipassu mal-adulti, xi kultant jistpiċċaw jitbegħdu mill-grupp…

Kronaka

€15,400 mhux iddikjarati ġew konfiskati mill-uffiċjali tad-dwana fl-Ajruport ta’ Malta. L-uffiċjali waqqfu passiġġier li kien mistenni jitlaq minn Malta b’ammont ta’ flus mhux iddikjarati. Huwa ikkopera mal-uffiċjali fejn aċċetta li jiġu…

Aktar