Barranin
AĠĠORNAT: Il-mument li ġġarraf pont ta’ ferrovija f’Mexico City – 23 mejta

Minn tal-anqas 23 persuna tilfu ħajjithom u 65 oħra jinsabu midruba, uħud serjament, wara li ġġarraf pont ta’ ferrovija fil-Messiku.

Waqt li ġġarraf dan il-pont f’Mexico City għall-ħabta tal-10.25pm ħin lokali, kienet għaddejja l-ferrovija minn fuq linja ġdida, magħrufa bħala Golden Line.

Filmati minn kameras tas-sigurtà juru l-mument li ġġarraf il-pont fuq triq li minnha kienu għaddejjin il-karozzi.

 

Is-Sindku ta’ Mexico City, Claudia Sheinbaum, marret fuq il-post u qalet li l-ħaddiema tas-sigurtà pubblika u l-pumpiera qed jaħdmu qatigħ, flmkien ma’ ħaddiema tas-saħħa.

Iktar tard qalet li persuna maqbuda f’karozza li fuqha ġġarraf il-pont kienet inħarġet ħajja u ttieħdet l-isptar. Żiedet li l-kaġun eżatt għat-tiġrif għadu jrid jiġi stabbilit b’investigazzjoni.