150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi t’Għawdex

Id-djoċesi ta’ Għawdex, waħda fost l-iżgħar djoċesijiet tal-knisja Kattolika madwar id-dinja, fi ftit jiem oħra se tfakkar id-digriet Papali li permezz tiegħu 150 sena ilu saret djoċesi bil-Katidral u bl-isqof tagħha.

Fil-ġranet li ġejjin id-djoċesi t’Għawdex se tfakkar il-150 sena mit-twaqqif tagħha mill-Papa Piju IX – Papa li qiegħed fi triqtu għall-qdusija. Dokumentazzjoni storika turi li l-Papa Piju IX, li għen ħafna lid-delegazzjoni Għawdxija li formalment talbitu jaqta’ lil Għawdex bħala djoċesi Maltija.

Dawn it-tentattivi kienu ilhom sejrin għal iktar minn nofs seklu – sa mill-1798. L-Għawdxin baqgħu rikonoxxenti għall-intervent tal-Papa Piju IX tant li huwa mfakkar kemm bi statwa kbira tal-bronz fit-taraġ tal-katidral u anke b’bust tal-irħam fuq il-ġenb tal-presbiterju.

Apparti li l-Papa Piju IX għolla lil Għawdex għad-dinjità ta’ djoċesi, għandu rabta oħra interessanti ma’ Malta għaliex kien kardinal Malti, Fabrizio Sceberras Testaferrata li ordnah sacerdot fl-1819. Dakinhar kien iġib l-isem Giovanni Maria Ferretti.

Fl-istess katidral t’Għawdex, wieħed għad jista’ jara l-bolla Singulari Amori, id-digriet pontifikali li permezz tiegħu, il-beatu Piju IX kien għolla lill-gżira Għawdxija għad-dinjità ta’ djoċesi. L-isqof t’Għawdex, Mario Grech ħabbar li t-tifkira speċjali tal-150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi Għawdxija se ssir fis-16 ta’ Settembru.