Lokali
16-il stabbiliment tad-divertiment bi twissija biex josservaw ir-regolamenti

Fl-aħħar erbat ijiem mindu tħabbru r-regolamenti l-ġodda tal-attivitajiet tal-massa, inħarġet ittra ta’ twissija lil sittax-il stabbiliment ta’ divertiment mit-taqsima tal-infurzar tal-Awtorità tat-Turiżmu li hi responsabbli li tara li l-postijiet qed isegwu mal-protokolli u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Johann Buttigieg qal dan lil TVM fl-isfond ta’ laqgħa informattiva li saret mal-operaturi tal-industrija tad-divertiment u li matulha enfasizza l-importanza li kemm il-ħaddiema u wkoll il-pubbliku jħossuhom siguri meta jiffrekwentaw dawn il-postijiet.

Waqt laqgħa informattiva organizzata mill-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u l-Awtorita’ għat-Turiżmu, ġew spjegati r-regolamenti l-ġodda għall-avvenimenti ta’ ‘l fuq minn mitt persuna. Dawn jinkludu avvenimenti komunitarji, kunċerti, festivals, konferenzi, wirjiet, u tiġijiet fost l-oħrajn.

Il-Viċi President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, Philip Fenech, qal li n-negozji u l-industrija jinsabu ħerqana li jadattaw skont il-protokolli l-ġodda li daħlu fis-seħħ il-ġimgħa l-oħra li jirregolaw avvenimenti tal-massa. Sostna li hemm xi ftit ta’ tħassib bil-Kamra tal-Intrapriża tgħid li ma jistax jintuża metodu wieħed għal kull tip ta’ negozju. Qal li laqgħa informattiva bħal din għenet biex dan it-tħassib jiġi indirizzat.

“Kulħadd jifhem ir-responsabbilità li kull wieħed għandu li jekk ikun hemm xi complacency jew dak li jkun ma jiħux ħsieb ikun qiegħed jagħmel ħsara lin-negozju oħrajn u lll-prodott turistiku. Għalhekk dal-meeting kien pożittiv fis-sens li kulħadd se jara kif se jagħmel l-aħjar biex iżomm ma’ dawn il-kundizzjonijiet.”

Bir-regolamenti l-ġodda li tħabbru l-ġimgħa l-oħra, dawk kollha li se jorganizzaw avveniment ta’ ‘l fuq minn 100 persuna jridu jimlew formula u jimxu ma’ regolamenti speċifiċi sabiex ikun assigurat li fost affarijiet oħra tinżamm id-distanza soċjali u b’hekk tonqos il-possibbilita’ ta’ tixrid tal-Covid 19. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg, qal li dawk kollha li joffru servizz iridu jifhmu li l-awtorita’ trid tindirizza wkoll l-aspett psikoloġiku u li wieħed iħossu sigur meta jattendi attivita’ partikolari.

“Flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa se naraw li l-protokolli jidħlu fis-seħħ u li attwalment jiġu segwiti mill-industrija. Dan biex in-nies li jmorru fl-istabbilimenti jħossuhom safe u anke l-istess impjegati tal-istess stabbilimenti jkunu safe biex inkunu ċerti li wieħed jista’ jgawdi dak li għandu jgawdi u fl-istess ħin jagħmlu b’mod l-iktar sigur.”

Is-Sur Buttigieg spjega li dawk kollha li għandhom f’moħħhom li jorganizzaw attivita’ jridu josservaw l-istandards li hemm fid-dokument u jsiru jafu l-obbligi u r-responsabbilitajiet tagħhom. Sostna li minn wara li tħabbru r-regolemti l-ġodda tal-attivitajiet tal-massa kien hemm 16-il post li nħarġitilhom ittra ta’ twissija mit-taqsima tal-infurzar tal-MTA li hi responsabbli li tara li l-postijiet qed jimxu mal-protokolli u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Johann Buttigieg qal li n-nies huma mħeġġa jaraw lihemm iċ-ċertifikat tal-MTA mwaħħal fuq barra tal-istabbiliment.

Aħbarijiet Oħra

Xi uffiċjali tal-pulizija sfaw midruba wara li dal-lejl inqala’ x’inkwiet fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi u ħarbu xi immigranti. TVM jinsab infurmat li ħarbu 6 immigranti u s’issa nqabdu tnejn. Fuq il-post…

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar