Lokali
17 Black hija tal-imprenditur Yorgen Fenech – jirrappurtaw ir-Reuters u The Times of Malta

Skont rapporti fir-Reuters u t-Times of Malta, l-imprenditur Malti Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj. Skont l-istess rapport, l-imprenditur Fenech ġie identifikat mill-Financial Intelligence Analysis Unit – l-FIAU. Is-Sur Fenech huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Tumas, grupp involut fil-proġett tal-power station tal-Electrogas.

F’investigazzjoni konġunta li kompliet issegwi fuq ix-xogħol li sar fl-aħħar sena minn ‘The Daphne Project’, Reuters u t-Times of Malta żvelaw li madwar seba’ xhur ilu t-taqsima ta’ kontra r-reati ekonomiċi tal-Pulizija rċeviet rapport mill-FIAU biex issir investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus.

17 Black ilha tissemma b’konnessjoni ma allegat tixħim wara li sena u nofs ilu Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li minnha kellhom jgħaddu tranżazzjonijiet mill-kumpaniji Tillgate u Hearnville, it-tnejn reġistrati fil-Panama, u li kienu jidhru fuq isem Keith Schembri u Konrad Mizzi. F’April li għadda f’rapport ippubblikat minn ġurnal Ġermaniż kien ingħad li fil-kumpanija 17 Black daħlu aktar minn miljun ewro u ġie allegat li dawn kellhom jgħaddu fil-kumpaniji Tillgate u Hearnville.

Iżda mir-rapport ta’ Reuters joħroġ li l-flus qatt ma tħallsu – qatt m’għaddew minn kumpanija għall-oħra – la f’ta’ Konrad Mizzi u lanqas f’ta’ Keith Schembri. L-istess rapport jgħid li Konrad Mizzi u Keith Schembri stqarrew li ma kienux jafu bil-konnessjoni ta’ 17 Black mal-imprenditur Yorgen Fenech.

Is-Sur Schembri kien qal li 17 Black u MacBridge kienu fl-abbozz tal-business plan tan-negozji fil-grupp tiegħu. Qal li l-kumpaniji fil-grupp tiegħu jagħmlu bosta pjani simili iżda żied jgħid li qatt ma saru tranżazzjonijiet f’dawn il-kumpaniji jew miegħu personali u ma jaf bl-ebda tranżazzjoni li ġew allegati.

Fir-rapport tar-Reuters jingħad li Yorgen Fenech irrifjuta li jikkumenta dwar jekk huwiex is-sid tal-kumpanija 17 Black. Is-Sur Fenech qal li hu u l-kumpaniji tiegħu qatt ma kellhom jew għandhom interess li jkollhom relazzjoni kummerċjali ma’ xi politiċi jew individwi assoċjati politikament.

Reuters jikkwotaw uffiċjal tal-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda jgħid li l-awtoritajiet finanzjarji ta’ pajjiżu kienu qed jeżaminaw l-attivitajiet ta’ 17 Black wara talba mill-awtoritajiet Maltin.

Ara wkoll:

ARA: Jitkellem il-Kap tal-PN wara r-rapporti ppubblikati dwar il-kumpanija 17 Black

 

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Il-fkieren qed jispiċċaw massakrati bil-ħmieġ speċjalment tal-plastik fil-baħar. In-Nature Trust, li għandha programm biex idewwi u meta possibbli ssalva l-fkieren tgħid li ħafna mill-gwaj tal-fkieren jista’ jiġi skansat jekk in-nies…

Lokali

Fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet f’għeluq il-kampanja elettorali, l-Alternattiva Demokratika qalet li trid Ewropa ta’ solidarjetà, sussidjarjetà u sostenibiltà. Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika l-Perit Carmel Cacopardo qal li l-Alternattiva trid politika ta’…

Lokali

Hands On, kumpanija Maltija li tispeċjalizza f’teknoloġiji ta’ tracking għall-vetturi, ser titrasforma l-fabbrika tagħha fil-Mosta TechnoPark biex tirriċerka dwar trasport alternattiv, inkluż vetturi li jinstaqu waħidhom. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hands…

Lokali

45 familja li jgħixu fil-housing estates f’Ta’ Pennellu l-Mellieħa se jgawdu minn xogħlijiet ta’ rinovar u ta’ tisbiħ li jammontaw għal €400,000. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha żar ix-xogħol li għaddej,…

Aktar