Unjoni Ewropea
17-il proġett u inizjattiva b’investiment ta’ €345 miljun sottomessi lill-KE

Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta (RRP) intbagħat formalment lill-Kummissjoni Ewropea biex fix-xahrejn li ġejjin issir l-evalwazzjoni tiegħu ħalli finalment tingħata l-approvazzjoni u l-pjan ikun jista’ jibda jiġi implimentat.

L-Unjoni Ewropea kienet stabbiliet il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) is-sena li għaddiet bħala t-tweġiba għall-effetti ekonomiċi li kienet bdiet tħalli warajha l-pandemija Covid-19.

Il-pjan tfassal skont il-kriterji stabbiliti mill-istess Kummissjoni Ewropea fosthom li 37% tal-infieq iridu jkunu indirizzati lejn proġetti ambjentali marbuta mat-tibdil fil-klima, 20% mat-tranżizzjoni diġitali u riformi marbuta mal-Country Specific Recommendations għal Malta għas-snin 2019 u 2020.

Waqt it-tnedija tal-Pjan, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-miri ewlenin ta’ dan il-pjan li għall-implimentazzjoni tiegħu qed jiġu allokati €345 miljun f’baġit totali.

Huwa stqarr li Malta qegħda tkun ambizzjuża aktar mill-miri tal-istess Kummissjoni għaliex f’dak li jirrigwarda l-ambjent qed tippjana li tonfoq madwar nofs l-allokazzjoni kollha għal proġetti ambjentali u madwar 26% tan-nefqa immirati lejn proġetti konnessi mad-diġitilizazzjoni tal-ekonomija.

Zrinzo Azzopardi żied jgħid li dan il-pjan li Malta għadha kemm ressqet quddiem il-Kummissjoni Ewropea għandu jitqies ukoll bħala l-ewwel minn sensiela ta’ programmi dwar kif Malta se tonfoq l-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun li l-Gvern irnexxielu jikseb għal Malta mill-baġit tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin.

Matul il-jiem li ġejjin se tinbeda sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-abbozzi ta’ programmi għal dan l-infieq.

Zrinzo Azzopardi ta dettalji dwar diversi riformi u proġetti li se jitwettqu permezz ta’ dan il-pjan li jinkludi 17-il proġett ta’ investiment u inizjattivi flimkien ma’ għadd ieħor ta’ riformi f’diversi oqsma.

€189 miljun se jintefqu biex jindirizzaw inizjattivi favur enerġija nadifa b’investimenti fir-rinnovar ta’ bini pubbliku u bini kummerċjali tal-privat biex jużaw inqas enerġija.

Se jsiru aktar skemi biex il-karozzi tas-servizz pubbliku, il-karozzi tal-privat u anke l-vetturi tat-trasport pubbliku ikunu jaħdmu bl-elettriku biex jonqsu l-emmissjonijiet.

Nefqa ta’ €55 miljun sejra għall-qasam diġitali favur ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti waqt li qed tiġi ppjanata nefqa oħra ta’ €50 miljun biex is-sistema tas-saħħa tkun aktar reżiljenti u nefqa ta’ €41 miljun biex jinbena kampus ġdid għall-ITS.

Qed tiġi allokata wkoll nefqa ta’ €10 miljuni biex issir id-diġitilizzazzjoni tal-Qrati waqt li ħa jkomplu jingħataw spinta ’l quddiem ir-riformi meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiż.