Mużika
170 sottomissjoni għall-festival Mużika Muzika – se jintgħażlu l-aħjar 20 kanzunetta

Festivals Malta rċeviet 170 sottomissjoni biex minnhom jintgħażlu l-aħjar 20 kanzunetta għall-festival Mużika Mużika li se jsir fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Dan hekk kif għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet biex għat-tieni sena wara l-oħra biex jittella’ dan il-festival li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services.

Jagħlqu l-applikazzjonijiet għat-tieni edizzjoni tal-festival Mużika Mużika. Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, qal li għal din is-sena kien mistenni li jkun hemm żieda fl-applikazzjonijiet wara s-suċċess tal-ewwel festival is-sena li għaddiet.

“Nieħu gost inħabbar li kellna 170 sottomissjoni li hi żieda qawwija fuq kemm kellna sottomissjonijiet is-sena l-oħra.”

Il-proċess issa se jgħaddi għal fażi oħra biex dawn il-kanzunetti jiġu evalwati minn ġurija u minnhom, jintgħażlu 35 kanzunetta. Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat li wara dan il-proċess jibdew il-live auditions quddiem ġurija differenti biex ikunu finalisti fil-festival tas-sena d-dieħla.

“Biex sa fl-aħħar jintgħażlu 20 kanzunetta biex jipparteċipaw f’din it-tieni edizzjoni. Ta’ min jgħid ukoll li din id-darba se jkollna parteċipant ‘Il-Vjaġġ Ikompli’ – programm televiżiv li qegħdin nagħmlu fuq il-PBS fejn hemmhekk għażilna 7 kantanti bejn 16 u 21 sena u minn hawnhekk, se nagħżlu kantant biex jipparteċipia f’Mużika Mużika 2022.”

Dawn il-proċessi jibqgħu għaddejjin sa Marzu meta jittella’ l-festival li se jkun mifrux fuq tlitt ijiem. Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, qal li l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika rawh iktar minn 320,000 telespettatur.

“Suċċess għax ġiet aċċettat mill-protagonisti tal-Kanzunetta Maltija u wkoll mill-udjenzi permezz ta’ TVM. Mużika Mużika ġie biex jibqa’ u l-edizzjoni li jmiss fl-24, 25, 26 ta’ Marzu s-sena d-dieħla.”

Għat-tieni sena, il-festival Mużika Mużika se jsir b’kollaborazzjoni mal-PBS.