Lokali
172 ruħ immultati għax kisru r-regoli ta’ kemm jistgħu jinġabru f’residenza

L-uffiċjali tal-infurzar ħarġu 1,880 multa f’ġimgħa waħda biex ikunu infurzati r-regoli marbuta mal-Covid-19.

Ċifri ppubblikati fuq il-paġna ta’ Facebook Covid-Malta, juru li l-ikbar nuqqas baqa’ dak marbut mal-ilbies tal-maskra fejn inħarġu 1,222 multa. L-uffiċjali tal-inforzar ħarġu wkoll 473 multa fil-konfront ta’ persuni li kienu fi gruppi ta’ aktar minn tnejn.

Kien hemm ukoll 172 persuna mmultati għax kisru r-regoli ta’ kemm jistgħu jinġabru f’residenza. Din il-miżura tipprojbixxi li f’residenza waħda jkun hemm nies minn aktar minn żewġt idjar.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ tvm.com.mt li fl-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti, uffiċjali tal-Korp jistgħu jidħlu u jispezzjonaw residenzi.

Żied jgħid li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat din l-awtorità lill-Pulizija skont il-ligi tas-saħħa pubblika.