Immigrazzjoni
177 immigrant jidħlu fil-port ta’ Katanja iżda ma jitħallewx jinżlu f’territorju Taljan

L-Italja, awtorizzat lill-177 immigrant abbord il-vapur tal-guardia costiera Taljana, id-Diciotti biex jinżlu fil-port ta’ Katanja.

Fi tweet il-Ministru tat-Trasport Danilo Toninelli kkonferma li l-immigranti se jitħallew jidħlu fil-port fi spirtu ta’ solidarjetà Ewropea iżda nsista li l-Ewropa trid taġixxi fl-iqsar żmien possibbli biex il-kwistjoni tkun riżolta.  F’reazzjoni, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini qal li l-immigranti mhux se jitħallew jinżlu f’territorju Taljan qabel ma’ l-Italja jkollha garanzija mill-Unjoni Ewropea dwar kif se jitqassmu l-177 immigrant fost il-pajjiżi Ewropej.

Il-vapur għabba lill-immigranti miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija nhar il-Ħamis u fost l-immigranti abbord hemm 34 tifel u tifla u sitt nisa.

Il-Ministru Salvini nhar il-Ħadd hedded li jibgħat lill-immigranti lura lejn il-Libja, bil-mossa tqanqal twissijiet mill-Unjoni Ewropea li r-ripatrijazzjoni tal-immigranti lejn il-Libja hija illegali. L-Italja kienet instabet ħatja li kkommettiet ksur tal-liġijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem meta wettqet ripatrijazzjoni simili fl-2012.

Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea intant ikkonfermat nhar it-Tnejn li l-Unjoni Ewropea rċeviet it-talba formali mill-Italja biex kun hemm deċiżjoni dwar id-distribuzzjoni tal-immigranti u qalet li n-negozjati mal-Istati Membri se jibdew minnufiħ.