18-il sena l-Qorti biex “jagħmlu l-BBQs u jixxemxu” fuq il-bejt

Żewġ sidien ta’ appartamenti f’żewġ blokok f’Tas-Sliema ilhom 18-il sena għaddejin bi proċeduri quddiem il-Qorti sabiex jiddeterminaw min għandu dritt juża l-bejt ta’ waħda mill-blokok, u min għandu dritt jagħlaq l-aċċess għalih.

Il-konfużjoni jidher li bdiet meta koppja xtraw appartament li kellu aċċess minn żewġ blokok differenti; waħda mill-entratura ta’ blokka fi Triq it-Torri u oħra minn blokka fi Triq Sir Luigi Camilleri. Ingħatat l-idea li dawn kienu żewġ appartamenti li ġew imniffda biex saru appartament wieħed.

Ġara għalhekk li meta sar l-ewwel kuntratt fl-1994 issemma’ li l-koppja qed tixtri appartament b’numru ta’ bieb partikolari, iżda mbagħad fil-pjanta intwera bieb fi blokka differenti. Fl-1998 l-koppja għamlet att korrettorju li bih in-numru tal-bieb imsemmi fil-kuntratt inbidel biex jirifletti l-bieb tal-blokka murija fil-pjanta tal-ewwel kuntratt. Blokka minnhom għalhekk spiċċat b’numru ta’ bieb nieqes.

Sadanittant il-koppja riedu jużaw il-bejt ta’ waħda mill-blokok, liema bejt kien inxtara minn mara erba’ xhur wara li huma xtraw l-appartament tagħhom. Fil-kuntratt tal-mara ngħad li din kellha tagħti aċċess għall-bejt lill-inkwilini tal-blokka, u biss għal skopijiet ta’ manteniment u biex iwaħħlu tankijiet tal-ilma, aircondition units u antenni.

Il-koppja fetħu kawża wara li l-mara għalqet l-aċċess għall-bejt. Min-naħa tagħha l-mara fetħet kawża separata u quddiem il-Qorti sostniet li l-koppja riedu jonxru l-ħwejjeġ, jagħmlu l-BBQs u jixxemxu fuq il-bejt tagħha. Dan meta l-kuntratt oriġinali kien juri li dawn lanqas kellhom appartament f’din il-blokka.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, ikkunsidrat li l-każ kien diġà ġie solvut wara li fl-2012 il-koppja għamlu kuntratt ieħor korrettorju li permezz tiegħu irrinunzjaw b’mod irrevokabbli għal kull dritt patrimonjali fuq il-bejt li dwaru nqala’ d-diżgwit. Għalhekk ma kienx hemm bżonn li l-Qorti tħassar il-kuntratt tal-1998, għax dan kien diġà sar null.