Kultura
Taqbel li t-Teatru Manoel ikun it-Teatru Nazzjonali?

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera, qal li sas-sajf li ġej se jressaq liġi fil-Parlament biex it-Teatru Manoel ikun it-Teatru Nazzjonali ta’ Malta.

Il-Ministru Herrera illum nieda għall-konsultazzjoni pubblika dokument bil-politika nazzjonali tal-kultura għall-għaxar snin li ġejjin, li fost oħrajn taħseb biex tgħolli l-livell tal-kultura f’Malta filwaqt li sservi ta’ boxxla għall-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali.

Bdiet it-triq biex il-pajjiż ikollu t-tieni politika kulturali nazzjonali għall-għaxar snin li ġejjin. B’180 proposta, il-politika kulturali l-ġdida hi msejsa fuq tmien pilastri maħsuba biex tgħolli l-livell tal-artisti Maltin filwaqt li sservi ta’ gwida biex l-artisti jkabbru l-viżibilità tagħhom.

Id-Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, Mario Azzopardi, qal li d-dokument jitkellem fost oħrajn fuq l-għatx għal iktar teatri anki fl-irħula.

”Is-sala tal-kunċerti għall-Orkestra Nazzjonali. Pereżempju għandek numru ta’ teatri mitluqin fl-irħula f’Malta u Għawdex kollha. Hemm bżonn naraw x’se nagħmlu minnhom. Dawk qed jibku biex jerġgħu jilqgħu n-nies ġo fihom għall-attivitajiet kulturali għax il-kultura m’għandhiex tkun il-Belt biss iżda għandha tkun ma’ Malta kollha u mifruxa kemm jista’ jkun.”

Waqt li l-industrija kulturali tinsab għarkupptejha bil-pandemija għax tiddependi mill-udjenzi, is-Sur Azzopardi rrikonoxxa li se tkun sfida biex in-nies jerġgħu lura fit-teatri.

Id-diversi entitajiet kulturali diġà qed jagħmlu strateġija u tħejjijiet biex itejbu l-prodott tagħhom għax din se tkun l-ikbar sfida. Kif in-nies se nħajruhom biex jersqu lejn it-teatri u postijiet ta’ avvenimenti. Ix-xogħol diġà beda hemmhekk. Imma rridu naħsbu out of the box kultant.

Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fis-16 ta’ April.

Mistoqsi dwar pjani għat-Teatru Rjal fosthom proposti li saru biex jissaqqaf, il-Ministru għall-Kultura Jose’ Herrera qal li l-Gvern qed jevalwa diversi suġġerimenti, iżda għad m’hemm xejn deċiż dwar it-triq ‘il quddiem.

Il-Ministru Herrera qal li sas-sajf li ġej hu ppjanat li jressaq liġi fil-Parlament biex it-Teatru Manoel isir it-Teatru Nazzjonali ta’ Malta. It-Teatru Manoel inbena 300 sena ilu mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena u hu meqjus bħala wieħed mill-iprem teatri fid-dinja.