Lokali
1,800 persuna jfittxu l-għajnuna ħabba l-vizzju tad-droga – tiżdied il-problema tal-kokaina

Il-problema tad-droga ser tkun trattata f’konferenza nazzjonali li ser tlaqqa’ lill-politici miż-żewġ naħat tal-kamra u rappreżentanti mill-Aġenżiji li jaħdmu ma’ persuni mirkuba bil-vizzju tad-droga. Il-konferenza organizzata mill-Ministeru tal-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali ser issir fil-jum internazzjonali kontra d-droga fis-26 ta’ Ġunju u ser tixxandar fuq l-istazzjon tal-Parlament.

Fl-2016 aktar minn 1,800 persuna, li kważi 80% minnhom huma maskili, fittxew l-għajnuna mill-Caritas, il-Fondazzjoni Oasi u tal-Aġenżija Sedqa minħabba l-abbuż tad-droga. Dawn il-persuni qed jingħataw numru ta’ servizz biex joħorġu mill-vizzju tad-droga.

Carlo Olivari Demanuele min-National Focal Point on Drugs qal li “bażikament meta tħares lejn nies li qed jużaw is-servizzi d-droga primarja dejjem tibqa’ l-eroina. Ir-raġuni hija li l-persuni li huma addicted fuq l-eroina jkollhom bżonn ħafna aktar għajnuna matul iż-żmien, biss fejn jidħlu nies għas-servizz l-ewwel darba qed naraw li l-kokaina qiegħda tiżdied fil-fatt hija bażikament fl-ewwel post bħala droga li qed toħloq problema, it-tieni l-kannabis u t-tielet l-eroina”.

Il-Minsitru tal-Familja Michael Falzon qal li l-Gvern qed jaħdem biex il-liġijiet ma jippermettu lil ħadd jisfrutta l-miżerja ta’ ħaddiehor speċjalment bid-droga sintetika. Huwa qal li l-Gvern jrid ħidma kollettiva ħalli kemm jista’ jkun jingħataw l-aħjar servizzi.

Dr Michael Falzon qal li “il-fatt li ser nagħmlu konferenza flimkien l-istakholders kollha u anke fuq livell politiku dak huwa diġà achievement fih innifsu. Irridu naraw x’konklużjonijiet irridu noħorġu, oħrajn nafu x’ser ikunu. L-importanti li nibqgħu nwasslu l-messaġġ li nibqgħu naħdmu flimkien b’impenn kontra l-problema tal-abbuż mid-droga.”

Is-Sur Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ser tikkontribwixxi biex il-ġlieda kontra d-droga tissaħħaħ.

Claudio Grech qal li “id-droga toħloq problemi oħra bħal dawk ta’ saħħa mentali, soċjali u finanzjarji u għaldaqstant l-Oppożizzjoni mhux biss ser tkun qed tappoġġja din l-inizjattiva iżda ser tipparteċipa u tikkontribwixxi l-ideat leġislattivi u anke kif amministrattivament nistgħu nkomplu fil-ġlieda kontra din il-problema”.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li t-tema tal-konferenza ser tkun ‘Ħajja ħielsa mid-droga, flimkien b’għan wieħed’. Dr Farrugia qal li l-għan huwa li jkomplu jitjiebu s-servizzi li jingħataw. Rappreżentanti tal-Caritas, il-Fondazzjoni Oasi u mill-Aġenżija Sedqa ser jingħaqdu mal-politiċi, psikjatri u psikologi u ma’ esperti barranin biex flimkien jikkumbattu l-pjaga tal-vizzju tad-droga. Il-konferenza ser issir fil-Parlament nhar is-26 ta’ Ġunju fil-jum dinji kontra l-abbuż u t-traffikar tad-droga.